Wirja kbira fl-ewwel taqsima għenet lil Ta’ Xbiex jegħlbu lir-rivali Swieqi United bl-iskor ta’ 3-0 f’partita oħra mill-Enemed Premier League.
Kienet logħba li Ta’ Xbiex iddettaw għal ħafna ħinijiet bi Swieqi li apparti li fallew penalty, ftit kellhom xorti quddiem il-lasta u minkejja li ttantaw xortihom fit-tieni taqsima, ma setgħu jagħmlu xejn biex jevitaw it-telfa.
It-tim immexxi minn Daniel Brincat fetaħ l-iskor wara biss 20 sekonda permezz ta’ Karl Sciortino sabiex Melvin Borg u gowl sabiħ ta’ Dylan Musu ssiġġillaw ir-rebħa favur it-tim tagħhom.
Referees: Clinton Cassar, Jude Amin Utulu, Stephen Vella.
Luxol St Andrews kisbu l-għaxar rebħa staġjonali għalkemm xejn ma sabuha faċli kontra Żurrieq bl-iskor finali jkun dak ta’ 6-4.
It-tim minn St Andrews dejjem kien minn fuq għalkemm sab liż-Żrieraq dejjem attenti biex itella’ kontrattakki perikolużi b’erbgħa minnhom jirriżultaw f’gowls.
Fl-aħħar mill-aħħar kienu Luxol li rebħu sabiex issa għandhom sitt punti vantaġġ fuq Swieqi u Ta’ Xbiex.
Andy Mangion spikka għal Luxol hekk kif skorja tripletta b’Mark Zammit, Vininho u Moises iżidu aktar gowls għat-tim tagħhom.
Żurrieq wettqu reazzjoni u skorjaw permezz ta’ David Almeida de Ferreira, Jose Mario Mendes, Armando Gjepali u Boycho Marev.
Referees: Andrea Naudi, Marco Orazio La Rosa, Francesco Demichele.
Mill-Enemed Challenger League, kellna logħba mill-isbaħ bejn Marsaskala u Fgura United bl-iskor finali jkun dak ta’ 6-5 favur l-Iskalin.
Amir Ashtiyani kien awtur ta’ erba’ gowls għat-tim min-naħa t’isfel ta’ Malta bi Craig Pickard u Dylan Caruana li wkoll sabu x-xibka.
Fgura rrispondew minn Sebastian Nayar u Jose Angel Godar Pereira li skorjaw doppjetta kull wieħed b’Idil Demicoli li skorja l-gowl l-ieħor.
Referees: Clinton Cassar, Francesco Demichele, Marco Orazio La Rosa.
KLASSIFIKA – ENEMED FUTSAL PREMIER LEAGUE
Luxol St Andrews 31, Swieqi United , Ta’ Xbiex 25, L-Universita’ ta’ Malta 18, Żurrieq Futsal 15
KLASSIFIKA – ENEMED CHALLENGER LEAGUE
St George’s 19, Marsaskala 15, Fgura United 6, Malta U19 3, Malta Veterans 0