Saturday, October 26, 2024

Futsal: Wirja kbira minn Siġġiewi taħsad lil Naxxar

Aqra wkoll

Siġġiewi ħasdu lil Naxxar Lions hekk kif għelbuhom bl-iskor ta’ 6-3 u ċaħħduhom milli jispiċċaw waħedhom fl-ewwel post tal-klassifika tal-Enemed Futsal Challenger League.

Dan ir-riżultat kien ifisser ukoll li se jkun hemm bżonn decider bejn St George’s u Naxxar Futsal sabiex jiġi deċiż min se jispiċċa fl-ewwel post tal-klassifika. Din se tintlagħab nhar l-Erbgħa li ġej fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport bil-logħba tibda fis-6.30pm.

Fil-fatt il-Bormliżi ħadu vantaġġ mit-telfa ta’ Naxxar wara li kisbu rebħa kbira fuq Marsaskala.

Sadanittant, is-Siġġiwin kellhom wirja kbira kontra n-Naxxarin f’partita mill-isbaħ li pproduċiet xejn inqas minn disa’ gowls.

It-tim immexxi minn Paul Bugeja skorja l-gowls tiegħu fil-mumenti kruċjali tal-partita u minkejja l-isforzi ta’ Naxxar, dawn tal-aħħar xorta naqqsu milli jieħdu xi ħaġa minn din il-partita.

Shataizan Zarb, Wallace Oliveira Santos, Darren Attard, Juan Morales, Kurt Darmanin u Justin Theuma skorjaw għal Siġġiewi filwaqt li Naxxar baqgħu fil-partita wara gowls ta’ Antoine Barbara, Matthew Buttigieg u Clyde Bonavia.

St George’s kisbu rebħa kbira ta’ 8-0 kontra Marsaskala Futsal sabiex laħqu lil Naxxar fil-quċċata tal-klassifika. Għall-Iskalin din kellha tkun l-aħħar partita tal-istaġun minħabba li spiċċaw fl-aħħar post tal-klassifika u b’hekk ġew eliminati mill-play-offs.

Protagonisti għall-Bormliżi kienu Faisal Alnakuoo u Tiago Rodrigues li skorjaw hat-trick kull wieħed. Karl Luke Schembri u Charvon Gatt żiedu aktar gowls għat-tim mill-Kottonera.

Żurrieq Futsal kisbu rebħa tajba ta’ 3-1 kontra Qormi Futsal. Għat-tim immexxi minn Boycho Marev, din kienet ir-raba’ rebħa staġjonali. L-istess Marev skorja wieħed mill-gowls għaż-Żrieraq b’George Douglas Saliba u Gabriel Ghigo li wkoll niżżlu isimhom fil-lista tal-iskorers. Miguel Agius naqqas il-marġni tal-iskor għal Qormi.

Min-naħa l-oħra, kellna logħba waħda mill-Enemed Futsal Premier League fejn Ta’ Xbiex għelbu lil Mellieħa bl-iskor ta’ 8-2.

Stefi Cale skorja tripletta filwaqt li Redeemer Borg, Jason Gauci, Karl Sacco u Christian Wismayer komplew għaqqdu l-iskor għal Ta’ Xbiex.

Misa Spasic u Marinko Solarevic naqqsu l-iskor għal Mellieħa.

KLASSIFIKA ENEMED FUTSAL PREMIER LEAGUE:

Luxol 39, Valletta 34, L-Universita’ ta’ Malta 25, Ta’ Xbiex 24, Mellieħa 18.


KLASSIFIKA ENEMED FUTSAL CHALLENGER LEAGUE:

Naxxar Lions, St George’s 24, Siġġiewi 21, Żurrieq 13, Qormi 6, Marsaskala 4

Sport