Is-Sibt 28 ta’ Frar 2026 se jkunu qed jintlagħbu l-finali tal-Enemed Super Cup fil-National Sports School.
Finali Femminili – 3:00pm, Swieqi United Futsal LECO7 vs Zero Sei Futsal
Fil-finali femminili, iż-żewġ timijiet se jkollhom iċ-ċans li jagħmlu l-istorja. Zero Sei Futsal għandhom il-possibbiltà li jirbħu din it-tazza għall-ewwel darba, filwaqt li Swieqi United Futsal LECO7 jistgħu jerfgħu s-Super Cup għat-tieni sena konsekuttiva. Mistennija partita bilanċjata u ta’ livell għoli hekk kif iż-żewġ naħat jippruvaw iżidu trofew ieħor fil-kollezzjoni tagħhom.
Finali Maskili – 5:00pm, Luxol St Andrews Futsal Club vs University of Malta Futsal
Fil-finali maskili, Luxol St Andrews Futsal Club u University of Malta Futsal se jkunu qed jiltaqgħu kontra xulxin għar-raba’ finali konsekuttiva tas-Super Cup. Din ir-rivalità kompliet tikber tul is-snin u għal darb’oħra mistennija toffri konfront ta’ intensità kbira u kwalità teknika għolja.
Novità ġdida fil-futsal Malti se tkun l-introduzzjoni tal-Futsal Video Support għall-uffiċjali tal-logħba, li se tagħti opportunità għal kowcis rsipettivi review wieħed f’kull taqsima. Ftit jiem ilu saret sessjoni teoretika indirizzata mill-President tal-Futsal Malta Association, Mark Borg, u mill-Kap tar-Referees tal-Malta Football Association, Alan Mario Sant. Matul din is-sessjoni ġiet enfasizzata l-importanza tat-teknoloġija fil-logħba moderna tal-futsal u kif il-video support jista’ jgħin biex jissaħħaħ il-livell ta’ ġustizzja u professjonalità.
Is-sessjoni ntemmet b’żjara fiċ-Ċentru Nazzjonali l-ġdid tal-Futbol, fejn dawk preżenti kellhom l-opportunità jaraw mill-qrib il-faċilitajiet moderni li se jkunu qed jintużaw għall-iżvilupp tal-logħba f’Malta. Matul is-sessjonijiet prattiċi, ir-referees u l-kowċis kellhom l-opportunità jaraw it-teknoloġija fil-prattika permezz ta’ mock-up tal-kameras installati biex jissimolaw sitwazzjonijiet reali ta’ logħba, sabiex jifhmu aħjar kif taħdem is-sistema waqt kompetizzjonijiet uffiċjali.

