Monday, March 2, 2026

FUTUR IPPJANAT U MMEXXI B’SERJETÀ 

Aqra wkoll

F’pajjiż żgħir bħal tagħna b’riżorsi limitati u ekonomija li tiddependi mill-isfera internazzjonali, il-futur irid ikun ppjanat u mmexxi b’serjetà. Il-Malta Vision 2050 hija dik id-deċiżjoni u d-direzzjoni li biha l-Gvern qiegħed jara li Malta ma tiddependix minn leġiżlatura għal oħra, iżda li jibni direzzjoni fit-tul li tħares il-ġenerazzjoni futuri. Din mhiex sempliċiment strateġija oħra imma qafas għal Malta li rridu fl-2050. Ekonomija aktar sofistikata għal soċjetà li tikber flimkien b’ambjent protett.

Il-Vision 2050 hija mira ambizzjuża fejn id-diversifikazzjoni ekonomika tinsab fil-qalba tagħha. Irridu nirrikonoxxu li pajjiżna ma jistax jibqa’ jiddependi fuq mudelli tradizzjonali biss; irid jimxi lejn setturi ta’ valur miżjud ogħla, lejn innovazzjoni, teknoloġija, manifattura avvanzata u servizzi speċjalizzati. Din mhiex kwistjoni ta’ xi idea li nibtet għal ekonomika revoluzzonarja, imma viżjoni għal sopravvivenza strateġika. Ekonomija aktar produttiva tfisser pagi aħjar, aktar opportunitajiet ta’ karriera u stabbiltà fit-tul għall-familji Maltin u Għawdxin.

Iżda, il-qofol tal-Viżjoni ma jinsabx biss fiċ-ċifri tat-tkabbir. Forsi l-aktar bidla sinifikanti hija l-fatt li l-progress lokali ma jibqax jitkejjel biss bil-GDP. Il-kwalità tal-ħajja, is-saħħa, l-edukazzjoni, id-dħul disponibbli u s-sodisfazzjon tal-ħajja qegħdin jitpoġġew fiċ-ċentru tal-kejl nazzjonali. Dan huwa pass matur li juri li tkabbir li ma jinħassx fil-ħajja taċ-ċittadini, mhuwiex tkabbir sħiħ.

Naturalment, ambizzjoni bħal din ma jfissirx li m’għandiex sfidi. Il-pressjoni fuq l-infrastruttura hija realtà li tinħass. It-toroq, l-akkomodazzjoni u s-servizzi pubbliċi għandhom bżonn ta’ investiment kontinwu u ta’ ppjanar aktar intelliġenti. Il-Vision 2050 tindika soluzzjonijiet minn transport tal-massa aħjar għal modernizzazzjoni tas-servizzi u użu aktar responsabbli tal-art u tar-riżorsi naturali. L-implimentazzjoni tal-Malta Vision 2050 se tkun il-vera prova tal-kredibilità tagħha.

Wieħed irid ukoll ħares il-bilanċ delikat bejn tkabbir u l-impatt soċjali. L-ekonomija Maltija llum hija wkoll mibnija fuq il-kontribut ta’ ħaddiema barranin. Dan huwa fatt li ma jistax jibqa’ jiġi injorat jew negat. Il-politika, għalhekk, trid tiżgura integrazzjoni effettiva, protezzjoni tad-drittijiet u investiment kontinwu fil-ħaddiema. Tkabbir li joħloq fratturi soċjali jkun qiegħed jaħdem kontra l-miri tiegħu stess.

Il-qawwa tal-Malta Vision 2050 tinsab ukoll fl-orizzont tagħha. Nemmnu li strateġija li tħares 25 sena ’l quddiem titlob kontinwità, konsistenza u sens ta’ responsabbiltà li jmur lil hinn minn partit jew ieħor. Hemm bżonn ta’ kunsens nazzjonali dwar id-direzzjoni tal-pajjiż. Hemm bżonn ta’ diskussjoni serja u kostruttiva fejn jiġi diskuss u mqabbel dwar kif se jitkejjel il-progress sena wara oħra. Hawn iqumu l-mistoqsijiet ta’ kif se jiġu indirizzati d-diffikultajiet li inevitabbilment jinqalgħu u kif se niżguraw li l-ambizzjoni ekonomika tibqa’ marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent u l-karattru tal-komunitajiet tagħna. 

Finalment, wieħed irid jagħraf li l-għażla li ma tagħmel xejn, mhiex għażla. Nemmnu li f’dinja li qiegħda tinbidel kontinwament b’pass mgħaġġel, pajjiż li ma jippjanax jispiċċa jirreaġixxi biss għall-kriżijiet. Il-Gvern, permezz tal-Malta Vision 2050, qiegħed jagħżel li jmexxi u mhux li jsegwi.

Il-futur ta’ Malta ma jinbeniex bil-kliem biss iżda b’ħidma konsistenti. Issa li għandna l-viżjoni u d-direzzjoni hija mfassla, ir-responsabbiltà hija kollettiva. Jekk nibqgħu ffokati, jekk inżommu d-djalogu miftuħ u jekk l-implimentazzjoni tkun serja u trasparenti, il-Malta Vision 2050 tista’ tkun il-pedament ta’ era ġdida ta’ prosperità sostenibbli u ġustizzja soċjali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport