Sunday, November 24, 2024

Futur mibdul minħabba l-bidla fil-klima

.... L-Unjoni Ewropea bi pjan għad-domanda tal-elettriku

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Għadd ta’ pajjiżi fl-Ewropa, inkluż tagħna, qegħdin jesperjenzaw domanda għolja tal-elettriku minħabba s-sħana eċċessiva li qiegħed ikollna. Dan wassal għal interruzzjonijiet fil-provvista tal-elettriku. Sitwazzjoni li, la ċ-ċittadini, la n-negozji u lanqas l-amministrazzjonijiet tal-pajjiżi nnfushom ma ħadu pjaċir biha. Iżda, il-problema ta’ domanda għolja vis a vis il-provvista ilha fuq l-aġenda tal-Unjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali tant li hemm xogħol għaddej biex, minħabba l-bidla fil-klima, is-sistemi tal-elettriku jiġu adattati kemm għall-bżonnijiet tal-preżent, kif ukoll għal dawk tal-futur.

L-ENTSO-E, li jirrappreżenta lill-operaturi tas-sistemi tal-elettriku tal-Blokk, għamel tibdil biex iqawwi l-provvista, kif ukoll fassal pjanijiet tal-emerġenza. Din il-ħidma ħadet rankatura aktar b’saħħitha hekk kif bdiet sew il-Gwerra fl-Ukrajna. 

Skont rapport mill-“Politico”, il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea għandhom protokolli fis-seħħ biex jindirizzaw stress qawwi fuq is-sistemi tad-dawl tagħhom. Fakkar li fir-rebbiegħa li għaddiet il-Kummissjoni Ewropea ħabbret diversi miżuri li għandhom l-iskop li jagħmlu sistema tad-dawl aktar reżiljenti bħala parti mir-reviżjoni proposta tas-suq tal-elettriku tal-UE. Però, ingħad ukoll li dan it-tibdil jista’ jsir biss fuq medda ta’ żmien u b’investiment sostanzjali. 

Fil-fatt, l-Eurelectric tikkalkula li l-UE sal-2030 se jkollha tagħmel investiment massiċ ta’ xejn inqas minn madwar €400 biljun fuq is-sistemi tad-dawl tal-pajjiżi membri. Minnhom, mill-inqas €32 biljun għandhom ikunu allokati biex isiru miżuri ta’ reżiljenza li jipproteġu lis-sistemi tad-ddawl minn avvenimenti ta’ temp estrem. Avvenimenti li effettivament qegħdin nesperjenzaw bħalissa minħabba s-sħana esaġerata li qiegħda twassal għal użu sproporzjonat ta’ apparat bħalma hija l-arja kkondizzjonata – l-ACs.

F’dan il-mewġ ta’ sħana li mhuwiex biss jolqot lilna u lill-Ewropa, iżda anke fost l-oħrajn lill-Istati Uniti u l-Ġappun, il-provvisti tal-elettriku qegħdin jinqatgħu. Kif rajna f’pajjiżi Ewropej oħra bħall-Italja u l-Ġermanja, it-temperaturi estremi wasslu għal blackouts b’konsegwenza li miljuni ta’ nies spiċċaw bla elettriku bi skomdu kbir minħabba s-sħana.

Sħana akbar fil-bliet… użu akbar ta’ ACs

F’dan ix-xenarju xejn pjaċevoli l-Ewropa qiegħda tiffaċċja l-possibbiltà li t-temperaturi għoljin jibdew jiġu esperjenzati aktar ta’ spiss minħabba l-bidla fil-klima. Meta t-temperaturi jogħlew, ir-residenti fil-bliet huma ferm aktar esposti għal sħana estrem minn dawk li jgħixu fil-partijiet rurali u għaldaqstant għandhom tendenza li jtaffu s-sħana billi jużaw l-ACs. Dan iwassal għal pressjoni kbira fuq is-sistemi tal-provvista tal-elettriku li qegħdin ibatu biex ilaħqu mad-domanda.

Hekk kif it-temperaturi estremi qegħdin isiru aktar komuni, l-esperti qegħdin iwissu li hemm riskju akbar li jkun hemm nuqqas ta’ provvista ta’ elettriku. Barra minnhekk, hekk kif semma’ Roel Massink, konsulent għall-innovazzjoni u l-koperazzjoni Ewropea, diġà hemm pressjoni kbira fuq is-sistemi tad-dawl minħabba l-politika l-ħadra (favur l-ambjent). 

Hawn huwa semma’ l-fatt li t-tibdil biex fost l-oħrajn, l-industrija u t-trasport jaqilbu bl-elettriku ġie fl-istess żmien ta’ provvista rregolari minn sorsi rinovabbli fosthom mit-turbini tar-riħ u mill-pannelli solari. Din it-taħlita skont Massink, hija ta’ sfida fuq is-sistemi tal-provvista tal-elettriku li għandna preżentament. 

Il-“Politico” rrapporta li mewġ ta’ sħana li huwa fost kundizzjonijiet ambjentali estremi bħalma huma n-nirien bla kontroll u l-għargħar, li għandhom impatt qawwi ħafna fuq il-katina tas-sistemi tal-elettriku. Dawn mhux biss iwasslu għal żbilanċ fuq is-sistemi minħabba żieda f’daqqa u kbira għall-provvista tal-elettriku imma, iwasslu wkoll għal pressjoni kbira fuq l-infrastruttura.

Fost eżempji ta’ tali pressjoni fuq is-sistemi tal-provvista tad-dawl hemm dak li seħħ Lulju li għadda f’Londra fejn fl-aktar ġurnata sħuna li kellhom, ġie evitat diżastru meta l-operatur nazzjonali (ESO) importa provvista mill-Belġju bl-ogħla prezz li qatt ħallas ir-Renju Unit għad-dawl. Dan għamlu biex isostni s-sistema li tipprovi dawl u arja kkondizjonata fil-kapitali.

Bliet li ma jifilħux jistennew aktar…

Minħabba li l-pjan tal-UE għadu ‘l bogħod u l-pressjoni fuq is-sistemi tal-provvista tal-elettriku diġà qegħdin magħna, hemm bliet li bdew jieħdu azzjoni bil-għan li jsiru aktar flessibbli u effiċjenti fis-sistemi tal-elettriku tagħhom. 

Fost dawn il-bliet hemm dik Olandiża ta’ Utrecht, li qiegħda tesperimenta bil-karozzi elettriċi u fejn jiġu ċċarġjati bil-għan li jinstab bilanċ. Utrecht ta’ sikwiet ikollha qtugħ fil-provvista tal-elettriku tagħha. 

L-Isvizzera min-naħa tagħhom għandhom programm għaddej li bih sal-2030 se jkollhom madwar 3,000 vetturi elettriċi li jaqsmu l-enerġija li jiġġeneraw ma’ sistemi fid-djar u fin-negozji, l-hekk magħrufa sistema bidirezzjonali (miż-żewġ naħat). Amsterdam ukoll jinsab f’fażi ta’ esperimentazzjoni b’postijiet ta’ ċċarġjar bidirezzjonali, iżda din hija rrapportata li hija aktar komplessa minn dik użata fl-Isvizzera.

Sport