Saturday, May 4, 2024

F’xahrejn, il-privat għadda aktar minn 100 appartament biex jintużaw għal housing soċjali

Aqra wkoll

Fl-aħħar xahrejn, numru sinifikanti ta’ sidien privati bdew jikru lill-gvern aktar minn 100 appartament biex dawn jintużaw bħala housing soċjali u affordabbli taħt l-iskema “Nikru Biex Nassistu”.

Dan ħabbru l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn matulha spjega s-suċċess ekonomiku u soċjali li qiegħed ikollha din l-iskema.

Permezz ta’ din l-iskema, sidien privati jikru l-proprjetà battala tagħhom lill-Awtorità tad-Djar biex imbagħad dawn jintużaw bħala housingsoċjali u affordabbli. “Billi qed nużaw proprjetajiet eżistenti privati u battala għal housing soċjali u affordabbli, mhux biss qed inżidu d-disponibbilta u l-aċċessibbiltà tad-djar iżda wkoll nistimulaw l-ekonomija lokali,” qal il-ministru. 

Huwa ħabbar ukoll li sa mit-tnedija ta’ din l-iskema aktar minn 350 sid privat kera aktar minn 1,000 appartament li llum qegħdin jintużaw bħala housingsoċjali u affordabbli.

“Bil-kollaborazzjoni ta’ sidien privati, mil-lum, aktar minn 100 appartament se jingħaqdu ma’ dawn l-1,000 appartment. Din turi l-fiduċja li s-settur privat għandu fil-politika tal-Gvern għas-settur tal-akkomodazzjoni,” kompla jgħid il-ministru.

Huwa kompla li s-suċċess ta’ din l-inizjattiva huwa xprunat minn viżjoni fit-tul li għandu l-Gvern għal dan is-settur. “Il-viżjoni tagħna hija waħda mibnija fuq il-mobbiltà u l-ġustizzja soċjali u nkomplu naħdmu favur kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin,” temm jgħid il-ministru.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport