Sunday, August 3, 2025

F’xahrejn il-Pulizija toħroġ mal-500 taħrika għal sewqan b’veloċità eċċessiva

Aqra wkoll

Fid-dawl li wieħed jista’ jabbuża fis-sewqan matul il-lejl – hekk kif it-toroq ikunu iktar vojta u b’hekk wieħed iżid fil-veloċità waqt is-sewqan – il-Korp tal-Pulizija kompla jintensifika wkoll il-kontrolli tat-traffiku matul dawn il-ħinijiet.

Waqt kontrolli tat-traffiku li saru f’Ġunju u f’Lulju, bejn it-tmienja ta’ filgħaxija u l-erbgħa ta’ filgħodu, inħarġu mal-500 taħrika għal sewqan b’veloċità eċċessiva. Dawn il-vetturi inqabdu jinstaqu b’veloċità ta’ aktar minn 15-il kilometru fis-siegħa ‘il fuq mill-massimu taż-żona tas-sewqan.

Fost it-taħrikiet, dawn ingħataw lil sewwieqa li nqabdu jsuqu b’veloċità ta’ 159 kilometru fis-siegħa, 156 kilometru fis-siegħa u 148 kilometru fis-siegħa f’żona ta’ 70 kilometru fis-siegħa.

Taħrikiet oħra nħarġu lil sewwieqa li nqabdu jsuqu bejn 111-il kilometru fis-siegħa u 140 kilometru fis-siegħa, fl-istess żona ta’ 70 kilometru fis-siegħa.

F’żona fejn il-veloċità hija ta’ 80 kilometru fis-siegħa, sewwieq inqabad isuq b’124 kilometru fis-siegħa; filwaqt li f’żona ta’ 60 kilometru fis-siegħa, sewwieqa nqabdu jsuqu bejn 103 kilometru fis-siegħa u 118-il kilometru fis-siegħa. Sewwieqa oħra inqabdu jsuqu bejn 159 kilometru fis-siegħa u 121 kilometru fis-siegħa f’żona fejn il-veloċità massima hija ta’ 50 kilometru fis-siegħa.

Il-Korp tal-Pulizija jibqa’ kommess li jkompli bil-kontrolli tat-traffiku b’mod regolari f’kull ħin tal-ġurnata, bil-għan li tiġi mħarsa s-sigurtà ta’ dawk kollha li jużaw it-toroq tagħna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport