Saturday, November 23, 2024

F’xahrejn, madwar 100 persuna talbet assistenza tal-Aġenzija Sedqa għall-ewwel darba

Aqra wkoll

Minn MARIA AZZOPARDI

25% ta’ dawk intervistati qalu li nefqu aktar flus mis-soltu biex jixtru d-droga waqt il-pandemija

Fi żmien meta l-miżuri biex jiġi kkontrollat it-tixrid tal-imxija tal-Covid-19 kienu bdew jiġu rilaxxati, l-Aġenzija Sedqa għamlet kwestjonarju li wieġbu għalih 180 klijent li jattendu fiċ-ċentru Detox. Dan il-kwestjonarju fittex li jifhem kif kienu ġew affettwati klijenti li fi żmien il-pandemija kienu jattendu għall-kura tal-methadone.

Id-Direttur tas-Sedqa Charles Scerri qal lil L-ORIZZONT li mill-informazzjoni li nġabret minn dan il-kwestjonarju jidher li kien hemm individwi li stqarru li d-dħul tagħhom naqas, filwaqt li numru ta’ klijenti stqarru wkoll li r-relazzjonijiet tagħhom marru għall-agħar. Saħansitra kien hemm għadd sostanzjali li sostnew li ħassewhom aktar imdejqa mis-soltu. Is-Sur Scerri qal li dawn huma kollha fatturi li jistgħu jwasslu individwu biex fi żmien ta’ stress u wkoll fin-nuqqas ta’ alternattivi ta’ rikreazzjoni sana, wieħed jirrikorri aktar għal użu minn dawn is-sustanzi. Dan l-istess kwestjonarju wera wkoll li ammont ta’ klijenti nefqu aktar flus biex jixtru d-droga, filwaqt li kienu biss 4.4% li stqarru li użaw anqas droga waqt il-pandemija.

Madwar 25% stqarru li fi żmien il-Covid-19 użaw xi drogi li fi żminijiet normali ma kinux jużaw

Is-Sur Scerri spjega li f’dan l-istess kwestjonarju ħareġ li madwar 25% ta’ dawk intervistati wieġbu li nefqu aktar flus mis-soltu biex jixtru d-droga waqt il-pandemija, filwaqt li madwar 17% wieġbu li użaw aktar droga f’dan il-perjodu. Barra minn hekk, minn dan il-kwestjonarju ħareġ ukoll li ftit inqas minn 25% qalu wkoll li fi żmien il-Covid-19 użaw xi drogi li fi żminijiet normali ma kinux jużaw, fosthom eroina, kokaina, alkoħol, ħaxixa, kannabis sintetika u pilloli.

Żieda ta’ individwi li talbu assistenza tal-Aġenzija Sedqa għall-ewwel darba

Id-Direttur tal-Aġenzija Sedqa qal li d-domanda għal assistenza mis-servizzi tagħhom baqgħet waħda konsistenti. Huwa qal: “Tul il-pandemija wieħed seta’ josserva li kien hemm tnaqqis żgħir fix-xahar ta’ Marzu, madanakollu ġiet irreġistrata żieda fix-xhur ta’ wara, fejn rajna żieda ta’ individwi li talbu assistenza tas-Sedqa għall-ewwel darba. Fil-fatt ġew irreġistrati ftit anqas minn 100 każ ġdid bejn April u Mejju 2020, apparti l-klijenti li diġà kienu qed jieħdu l-għajnuna.”

F’dawn l-aħħar snin ġew innutati trends ta’ użu maġġuri ta’ kokaina u alkoħol

Aġenzija Sedqa tħaddan kunċett innovattiv li ma jisseparax is-servizzi skont is-sustanzi li wieħed juża, iżda joffri servizzi dwar dipendenzi inġenerali filwaqt li jara li l-bżonnijiet individwali tal-klijent jiġu moqdija permezz ta’ pjan ta’ kura mfassal minn tim multidixxiplinarju ta’ professjonisti. Dan iseħħ minħabba l-fatt li dipendenzi differenti għandhom fatturi komuni li jridu jiġu indirizzati mill-professjonisti.

Mistoqsi dwar trends f’dawn l-aħħar snin u waqt il-pandemija, is-Sur Scerri qal li bla dubju f’dawn l-aħħar snin ġew innutati trends ta’ użu maġġuri ta’ kokaina u alkoħol fil-kuntest lokali, filwaqt li f’dan il-perjodu ta’ pandemija l-fatt li kien hemm nuqqas ta’ alternattivi sani ta’ kif wieħed jista’ jikkrea ruħu minħabba xi restrizzjonijiet, ukoll ħallew xi ftit impatt fuq, pereżempju, żieda fil-konsum tal-alkoħol.

Abbuż minn sustanzi u alkoħol jikkawżaw diffikultajiet u weġgħat

Mistoqsi dwar jekk iż-żieda fl-anzjetà tistax toħloq problemi ġodda peress li l-pandemija taf tibqa’ magħna għal diversi xhur, is-Sur Scerri qal li fil-proċess ta’ kif individwu jaddatta ruħu għal ċirkostanzi diffiċli bħalma hija l-pandemija, l-ansjetà hija sintomu wieħed biss f’tali proċess.

“Jekk bħala individwi ma nfittxux soluzzjonijiet alternattivi u sani li jgħinuna f’ċirkostanzi ta’ bħalissa, jista’ jkun hemm tendenza li wieħed jaqa’ għal soluzzjonijiet negattivi li jżidu aktar problemi għall-persuni nnifisha u għal dawk ta’ madwaru. Kif nafu, l-abbuż minn sustanzi, alkoħol u dipendenzi oħra jikkawżaw diffikultajiet u weġgħat li sfortunatament ikollhom impatt dirett fuq il-familjari tal-persuna,” qal id-Direttur tas-Sedqa.

Bżonn li jinstab bilanċ bejn is-saħħa tal-ħaddiema u l-bżonn li jibqa’ jingħata servizz

Id-Direttur tas-Sedqa spjega li matul il-pandemija inħass il-bżonn li jinstab bilanċ bejn is-saħħa tal-ħaddiema u l-bżonn li jibqa’ jingħata servizz lill-klijenti tagħhom. Fil-fatt Scerri qal li s-servizzi kollha baqgħu joperaw tul il-pandemija filwaqt li ġew fis-seħħ miżuri biex jinżammu l-protokolli mitluba mis-Saħħa Pubblika. 

Huwa spjega li l-istaff fiċ-ċentru Detox inqasam f’żewġ gruppi biex jekk xi ħadd jirriżulta pożittiv għall-virus, l-operat jibqa’ għaddej xorta waħda. Is-servizzi ta’ kura fil-komunità baqgħu għaddejjin ukoll fejn ġiet żgurata preżenza fiżika ta’ Ħaddiema Soċjaliu terapisti fl-uffiċini fuq bażi ta’ roster biex klijenti li jħabbtu l-bibien tagħhom xorta waħda jingħataw servizz. Żied jgħid li l-Komunità Santa Marija, il-programm residenzjali ta’ rijabilitazzjoni tal-Aġenzija Sedqa, wkoll baqa’ jopera filwaqt li ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex jiġu ssalvagwardjati r-residenti tagħhom. Is-Sur Scerri spjega li f’dawn is-sentejn sar eżerċizzju ta’ tiġdid u innovazzjoni prattikament fis-servizzi kollha pprovduti mill-Aġenzija Sedqa. Huwa qal li dan huwa żmien fejn qegħdin jikkonsolidaw tali tibdiliet u proġetti biex ikunu qed iwasslu l-aħjar servizz possibbli lill-klijenti tagħhom.

Huwa qal: “F’dawn iż-żminijiet diffiċli qegħdin ukoll naddattaw is-servizzi tagħna biex nibqgħu nilħqu kemm jista’ jkun nies permezz tal-interventi tagħna. Eżempju ċar ta’ dan hija l-inizjattiva li ħadna fis-settur edukattiv fejn minħabba l-għeluq tal-iskejjel, il-programmi li normalment joffru lit-tfal fil-Year 3 u Year 5 fl-iskejjel ta’ Malta u Għawdex kollha, kellhom jieqfu wkoll. Aħna rajna kif il-materjal ngħadduh b’mod differenti biex dan l-għarfien lit-tfal tagħna jasal xorta waħda. Għal dan il-għan, is-sessjonijiet kollha ġew addattati u rrekordjati fi studio awdjo-viżiv professjonali u llum huma kollha disponibbli permezz tal-portal elettroniku tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni.”

Informazzjoni dwar l-Aġenzija Sedqa

L-Aġenzija Sedqa, li hija aġenzija nazzjonali fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS)  toffri l-aktar firxa ta’ programmi ta’ prevenzjoni li jolqtu kull sfera tas-soċjetà. Dawn il-programmi jinkludu TFAL 3 u TFAL 5 li jingħataw f’kull skola tal-istat, privata u tal-Knisja fil-livelli ta’ Year 3 u Year 5 rispettivament. Programm ieħor fis-settur edukattiv jingħata fil-livell sekondarju tal-Form 2.

Jiġu offruti wkoll sessjonijiet u programmi oħra lil gruppi vulnerabbli fis-soċjetà tagħna, kif ukoll diversi sessjonijiet lill-għaqdiet non-governattivi bħal pereżempju nurseries tal-futbol u scouts.

Jingħata wkoll il-programm SAFE, programm immirat għal min iħaddem  u ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol fejn tul is-snin bnew relazzjoni b’saħħitha ma’ diversi entitajiet pubbliċi kif ukoll kumpaniji privati li fittxew l-assistenza tal-Aġenzija Sedqa.

Wieħed jista’ jagħmel kuntatt mal-Aġenzija Sedqa permezz tan-numri tat-telefon 23885110, jew aktar sempliċi fuq is-Supportline 179, jew  billi jibgħat email fuq [email protected]. Barra minn hekk wieħed jista’ jżur l-uffiċini tal-Aġenzija Sedqa li jinsabu fi 3, Braille Street, Santa Venera.

Sport