FʼMejju 2025, in-numru taʼ persuni jirreġistraw għax-xogħol kien taʼ 1,050, tnaqqis taʼ 173 persuna meta mqabbel mal-istess xahar fl-2024.
Tagħrif taʼ Jobsplus ppublikat mill-NSO juri li, sena għal sena, fʼMejju 2025 kien hemm tnaqqis taʼ 148 persuna fl-Ewwel Parti tar-Reġistru tal-Qgħad u tnaqqis taʼ 25 persuna jirreġistraw fit-tieni parti tal-istess reġistru.
L-irġiel kienu jgħoddu mas-67.3 fil-mija, filwaqt li n-nisa kienu jgħoddu 32.7 fil-mija taʼ dawk li kienu qegħdin jirreġistraw. Dawk fl-età taʼ 45 sena jew aktar irreġistraw l-akbar tnaqqis fl-għadd tal-qiegħda, li jiġi daqs 67 persuna jew 13.3 fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2024.
Sena għal sena, kienu rreġistrati tnaqqisiet taʼ 183 persuna u 10 persuni fl-għadd taʼ dawk li kienu ilhom jirreġistraw għal anqas minn 21 ġimgħa u għal iżjed minn sena, rispettivament. Min-naħa l-oħra, l-għadd taʼ dawk li kienu fuq ir-reġistru għal bejn 21 u 52 ġimgħa żdied bʼ20.
FʼMejju 2025, in-numru taʼ persuni bʼdiżabbiltà li kienu qegħdin jirreġistraw għax-xogħol naqas bʼ25 meta mqabbel mas-sena taʼ qabel, u kien taʼ 224 persuna. L-irġiel kienu jgħoddu mal-74.1 fil-mija tagħhom.
L-irġiel u n-nisa fir-reġistru tal-qgħad kienu qed ifittxu l-aktar impjiegi taʼ appoġġ klerikali, bʼ26.7 fil-mija u bʼ40.8 fil-mija, rispettivament.