Gabriel Farrugia u Roberta Schembri rebħu l-ewwel tellieqa tar-Road Running League ta’ Athletics Malta bi prestazzjoni konvinċenti f’Marsaskala. It-tellieqa ta’ 10km, organizzata minn Pembroke Athleta, kienet l-ewwel waħda minn sitta għall-Kampjonat ta’ dan l-istaġun.
Farrugia, li kien qed jiġri għall-ewwel darba bil-flokk taż-Żurrieq Wolves rebaħ b’ħin ta’ 31:46, quddiem żewġ atleti ta’ Evolve, Aidan Tanti (32:01) u Charlton Debono (33:00). Fost in-nisa, Roberta Schembri ta’ Evolve ddominat it-tiġrija, b’ħin ta’ 37:48, vantaġġ komdu quddiem Rosalie Borg Cauchi (39:38) u Isaura Camilleri ta’ Żurrieq (39:59).
B’dawn ir-riżultati, Żurrieq Wolves jibdew il-kampjonat f’ras il-klassifika tal-irġiel, quddiem Evolve Endurance Club u Mellieħa AC. Fost in-nisa, vantaġġ minimu ta’ Pembroke, punt fuq Evolve, f’dak li jidher se jkun kampjonat ferm missielet. Intant, fil-Klassifika tat-Timijiet Imħallta, introdott għall-ewwel darba din is-sena, Żurrieq jibdew b’vantaġġ fuq Evolve u Mellieħa.
Il-kampjonat ikompli fid-9 ta’ Novembru, b’tellieqa ta’ 5km organizzata minn La Salle AC f’Ħaż-Żabbar..

