Il-Maġistrat Gabriella Vella, responsabbli mill-inkjesta dwar l-isptarijiet, jidher li qed timmira li ssir Imħallef. Dan minkejja dak kollu li qed joħroġ dwar it-taħwid li sar fl-inkjesta taħt il-gwida tagħha. Vella kienet diġa’ applikat biex issir Imħallef iżda ma kinitx intgħażlet. Wara kien hemm sejħa oħra iżda ma applikatx għax kien magħruf li riedet tlesti l-inkjesta dwar l-isptarijiet.
IT-TORĊA hija informata li nies qrib l-għaqda Repubblika, li talbet biex tinfetaħ l-inkjesta dwar l-isptarijiet, allegatament jidher li qed jagħmlu pressjoni biex meta tinħareġ sejħa oħra, din id-darba Vella tintgħażel. Allegatament jidher li favur dan hemm Peter Fenech, l-avukat tal-espert ewlieni fl-inkjesta Jeremy Harbinson. Bħala President tal-Kamra tal-Avukati, Fenech, hu sieħeb fin-negozju ta’ Simon Busuttil u eks Kap tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista, huwa membru fuq il-kumitat tal-għażla.
Kemm ilhom għaddejin is-seduti fil-Qorti f’kawżi differenti saru magħrufa ħafna fatti illi tefgħu dubji mill-iktar serji fuq l-integrita tal-inkjesta nnifisha.
Fost oħrajn din il-ġimgħa stess f’xhieda fil-Qorti, espert mill-Irlanda ta’ Fuq li ħadem fuq l-inkjesta, Andy Coles, giddeb dokument bil-firma tal-Maġistrat Gabriella Vella. Coles, intalab jgħid jekk huwa ħax ġurament f’Malta dwar ix-xogħol li wettaq fl-inkjesta. L-espert wieġeb le.
Fuq il-bażi ta’ din it-tweġiba, l-avukati tad-difiża rrefrew lill-espert Irlandiż għal dokument fl-inkjestali huwa ffirmat mill-Maġistrat Vella u li jgħid li fit-22 April 2024, huwa flimkien ma’ numru ta’ esperti ohra, ħalef fuq il-Bibbja quddiem l-istess Maġistrat biex jikkonferma illi x-xoghol illi għamel, wettqu b’onestà u bl-ikbar abbilità. Coles saħaq illi huwa mhux biss ma kien ħa l-ebda ġurament quddiem Gabriella Vella iżda qatt ma ltaqa’ magħha.
Fil-Qorti fl-aħħar ġimgħat saru magħrufa ħafna affarijiet li komplew jitfgħu dubji wkoll fuq l-integrità tal-esperti maħtura mill-Maġistrat Gabriella Vella.
Sar magħruf ukoll li espert iehor Sam Sittlington kien tkeċċa mill-gvern Ingliż wara li kien tqabbad jagħmel xogħol mal-Pulizija tal-Guyana. Sittlington kien akkużat li kellu kunflitt qawwi ta’ interess meta waqqaf kumpanija privata li kienet tagħmel l-istess xogħol li huwa kien qed jagħmel mal-Pulizija tal-Guyana. Sittlington kien akkużat li kien qiegħed juża informazzjoni li kien qiegħed jikseb mix-xogħol ufficjali tiegħu għax-xogħol privat tiegħu. Ħareġ ukoll li waqt li kien f’Malta jaħdem fuq l-inkjesta tal-isptarijiet, Sittlington ipprova jakkwista kuntratt mall-Pulizija Maltija ta’ madwar miljun ewro.
Sa dan it-tant waqt xhieda oħra fil-Qorti ħareġ li l-Maġistrat Gabriella Vella ma kinitx staqsiet lill-esperta Serba, Miroslava Milenovic xi kwalifiċi kellha. Fil-Qorti kien ħareġ illi Milenovic, li tqabbdet minn Vella bħala ‘accountant forensiku’, la għandha degree fl-accounts u lanqas warrant ta’ accountant. Meta kienet mitluba tgħid jekk informatx lill-Maġistrat b’dan, l-esperta wieġbet illi le waqt li żiedet illi Vella ma kienet staqsietha xejn dwar il-kwalifiċi tagħha.
IT-TORĊA l-ġimgħa li għaddiet żvelat li esperta oħra, Zara Melody, iħatret minn Vella bħala digital examiner meta sa disa’ xhur qabel kienet taħdem bħala lifeguard, iżda tħallset bl-approvazzjoni tal-Maġistrat, bir-rata li tħallsu l-esperti prinċipali.
Hemm imbagħad il-każ tal-espert ewlieni li kkordina x-xogħol kollu fuq l-inkjesta, Jeremy Harbinson li wara li tġallas €11- il miljun għall-inkjesta, issa qed jirrifjuta li jixhed fil-kawżi li għaddejin fejn ikun irid iwieġeb il-mistoqsijiet tal-avukati difensuri. Harbinson iddikjara li qatt iktar ma huwa se jersaq lejn Malta waqt li naqas milli jaċċetta numru ta’ talbiet li sarulu mill-Qorti biex jixhed bil-video conference.
Fl-aħħar ġimgħat sar magħruf ukoll li ħames esperti maħturin mill-Maġistrat Gabriella Vella, li ħadmu ma’ Harbinson u li tħallsu mill-inkjesta jew għalqu jew qegħdin fil-proċess li jagħlqu l-kumpaniji taħhhom. Dawn huma Harbinson Forensics Ltd ta’ Jeremy Harbinson, The Fraud Company Limited ta’ Sam Sittlington, Rhinoconsulting AML Ltd ta’ Andy Coles, Churchill Fraud Solutions Limited ta’ David Churchill u Athena Insights Limited ta’ Jill Kennedy.