Sunday, March 29, 2026

Gabriella Vella ssalva lil Milenovic

Aqra wkoll

Il-Maġistrat Gabriella Vella salvat lill-esperta Serba Miroslava Milenovic milli tittella’ l-Qorti meta qalet li hija ħatritha sempliċiment bħala ‘esperta’ u mhux bħala ‘forensic accountant’. Dan minkejja li fid-digriet tagħha tas-16 ta’ Ottubru tas-sena 2019 fejn ħatret lil Milenovic, u li IT-TORĊA qed tippublika kopja tiegħu, l-istess Maġistrat Vella kitbet li qed taħtarha bħala “forensic accountant”.

F’Novembru tas-sena 2024 fil-Qorti, Milenovic  kienet qalet li la għandha degree fl-accounts u lanqas għandha warrant ta’ accountant. L-esperta Serba kienet intalbet mill-avukat Vince Galea, li qed jidher f’isem l-eks Prim Ministru Joseph  Muscat, sabiex telenka ċ-ċertifikati kollha relatati mal-kwalifiċi li hija tgħid li għandha. 

Wara ħafna ħin, fejn anki bdiet tgħid li qed tiġi umiljata, Milenovic kienet qalet illi 40 sena ilu gradwat fil-ġeoloġija u fil-‘geophysics’ u li għandha Masters fuq it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata mill-Università ta’ Belgrade. Minn iktar mistoqsijiet tal-avukat Galea rriżulta li fil-kors tal-Masters ma kienx hemm module dwar l-accounts. 

Mistoqsija jekk għandhiex degree fl-accounts, ġaladarba tqabbdet fl-inkjesta tal-isptarijiet bħala ‘forensic accountant’, Milenovic kienet wieġbet li għandha ħafna ċertfikati iżda meta intalbet twieġeb dak li ġiet mistoqsija kienet ammettiet li m’għandhiex degree fl-accounts. L-avukat Galea imbagħad kien staqsiha jekk għandhiex warrant ta’ accountant bit-tweġiba tkun li  m’għandhiex.

Il-Qorti kienet ġibditilha l-attenzjoni li biex persuna taħdem bħala accountant f’Malta jinħtieġ li jkollha warrant. Mistoqsija jekk meta bdiet taħdem fuq l-inkjesta tal-isptarijiet, kellhiex dan il-warrant Milenovic kienet wieġbet li ma kellix. Mitluba tgħid jekk informatx b’dan lill-Maġistrat Gabriella Vella, li kienet responsabbli mill-inkjesta u li kienet hija li ħatritha, l-esperta kienet qalet li ma informathiex u li l-Maġistrat Vella ma kellmitiex dwar dan il-warrant.

Dan kollu kien wassal biex issir kwerela biex jinbdew proċeduri kriminali kontra Milenovic. Jirriżulta iżda li fl-investigazzjonijiet li saru, il-Maġistrat Gabriella Vella ddefendiet lill-esperta Serba u qalet li hija użata sempliċiment bħala esperta.  Dan minkejja li fid-digriet tagħha stess tas-16 ta’ Ottubru tas-sena 2019, l-istess Gabriella Vella kienet ħatret lil Miroslava Milenovic bħala ‘forensic accountant’.

Fit-22 ta’ April 2024, Milenovic innifisha kienet ħadet ġurament, li IT-TORĊA  ukoll qed tippubblika kopja tiegħu, bħala ‘forensic accountant’ anki jekk jirriżulta li dan mhux il-każ. Il-Maħistrat Vella iżda aċċettat dan u rreferit għar-rapport tal-esperta Serba li intuża biex iressaq għexieren ta’ persuni l-Qorti, bħala li sar minn ‘forensic accountant’.

Jidher li l-Pulizija issa mhux se jmexxu kontra Milenovic minħabba d-difiża bla preċedent li qed tagħmlilha l-Maġistrat Vella. Huwa ċar li minbarra lil Milenovic, il-Maġistrat qed tiddefendi lilha nnifisha għax kienet hi li ħatret persuna li mhux veru kienet ‘forensic accountant’ kif kienet qed tgħid li kienet.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport