Friday, July 25, 2025

Ġabu tarbija biex jivvendikaw ruħhom minnha  – omm tifla ta’ 15-il sena li nħarġet tqila

Aqra wkoll

Dikjarazzjoni xokkanti saret fi proċeduri fil-Qorti minn omm ta’ tifla ta’ 15-il sena, li kellha x’taqsam ma’ żagħżugħ li kien tmien snin akbar minnha u spiċċat kellha tarbija minnu. L-Omm iddikjarat li temmen li bintha u l-akkużat ġabu t-tarbija biex jivvendikaw ruħhom minnha peress li hi kienet tipprova tikkonvinċi lil bintha biex twaqqaf kollox minħabba d- differenza fl-età.  Bil-minuri tagħżel li ma tixhidx kontra l-akkużat, il-Qorti qalet li fl-aħjar interess tal-minuri iż-żagħżugħ ma jingħatax sentenza ta’ priġunerija imma probation ta’ tlett snin. 

Iż-żagħżugħ kien akkużat li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ persuna ta’ taħt is-16-il sena u li meta seħħ ir-reat hija kienet persuna ta’ 15-il sena, liema reat seħħ fuq il-persuna li kellu relazzjoni magħha.  F’dan il-każ, il-Qorti ġiet mitluba biex barra milli tapplika l-piena skont il-ligi, tapplika wkoll il-provvedimenti tal-Artikoli 382, 382A, 383, 384 u 385 tal-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta, sabiex tipprovdi għas-sigurtà tal-persuna.

Il-vittma xehdet bis-sistema awdjoviżiva. Hi ikkonfermat li l-akkużat huwa l-għarus tagħha u li kienu ilhom f’relazzjoni għal dawn l-aħħar sentejn u nofs. Ikkonfermat li kien l-akkużat li taqqalha meta kellha inqas minn sittax 16-il sena. Iżżid tgħid li hi u l-akkużat għadhom f’relazzjoni u hi għadha tħobbu. Tikkonferma wkoll li t-tarbija tagħha, huwa t-tifel tal-akkużat. Iddikjarat  ukoll li ma xtaqitx tixhed fil-konfront tal-akkużat minħabba li għandha xewqa li tkompli tgħix miegħu. Qalet li hi kienet anke esprimiet dan il-ħsieb meta ġiet mitkellma mill-Ispettur.

Fix-xhieda tagħha hi spjegat li hi u l-akkużat ilhom jikkoabitaw minn Awwissu tas-sena 2023 u spjegat li hi tixtieq tkompli l-edukazzjoni skolastika tagħha. 

Xehdet ukoll l-omm u hi spjegat li bintha kienet toħroġ mal-akkużat u li llum il-ġurnata din ir-relazzjoni ntemmet. Tixhed li din ir-relazzjoni ntemmet peress li kemm hi kif ukoll it-tifla tagħha ma xtaqux li din ir-relazzjoni tkompli. Tispjega li kien hemm drabi li l-akkużat u bintha kemm-il darba kellhom mumenti ta’ diżgwid sal-punt li bintha stess kienet iċċemplilha sabiex tiġborha u kien għalhekk li waslet f’punt li ma riditx tieħu dawn il-keded kollha. 

Iddikjarat li l-akkużat u bintha kienu jiltaqgħu waqt li suppost bintha tkun qiegħda taħdem fi żmien is-sajf. Tkompli tispjega li hi temmen li bintha u l-akkużat ġabu tarbija sabiex jivvendikaw ruħhom minnha peress li hi kienet tipprova tikkonvinċi lil bintha biex twaqqaf kollox minħabba d- differenza fl-età. 

Meta sarilha l-kontro eżami hi xehdet li bintha kienet ġiet stuprata u kien hemm anke proċeduri kriminali dwar dan. Tispjega li minkejja li kienet kuntenta li ser issir nanna, xorta waħda kienet inkwetata dwar bintha minħabba li l-akkużat kien ferm ikbar minnha fl-età. Tikkonferma li bintha u l-akkużat m’ghadhomx flimkien għax hu refa’ jdejh fuqha filwaqt li bintha reġgħet inqabdet tqila iżda ma’ raġel ieħor. 

Meta kienet qed twelled qalulu jbaxxi l-volum 

tal-mowbajl…qabad u kissru

Meta impjegata taċ-Child Protection Services xehdet fil-Qorti qalet li irceviet informazzjoni mis-servizz ta’ Benniena ġewwa Mater Dei li kien hemm minuri ta’ 15-il sena li kienet inqabdet tqila. Żiedet tgħid li mill-informazzjoni li rċevew setgħu jikkonkludu li din ir-relazzjoni kienet waħda kunsenswali u li dan l-individwu kien ħabib tal-familja. Spjegat li hi u twelled kienet staqsiet lil akkużat biex ibaxxi l-volum tal-ċellulari u dak il-ħin hu kisser iċ-ċellulari u b’hekk intervjenew il-Pulizija u s-servizz tal-vjolenza domestika. 

Meta l-minuri telqet mill-isptar hi marret tgħix mal-akkużat u għalhekk ir-riskju għola. Minkejja dan kollu, omm il-minuri xorta baqgħet iżżomm kuntatt ma’ l-akkużat iżda xorta waħda kien hemm inkwiet minħabba li ma kinitx qiegħda tikkopera maċ-Child Protection Services. Tikkonferma li hi qatt ma kellha kuntatt dirett ma’ ma’ l-akkużat jew il-minuri. Tgħid ukoll li l-minuri tinsab fuq il-lista ta’ stennija minn naħa taċ-Child Protection Services u ma tafx li l-istess minuri reġgħet inqabdet tqila. 

Xehdet l-Ispettur Dorianne Tabone f’kontro eżami qalet li hi kienet digà taf min hi l-minuri li kienet diġà rċeviet referral u dan kien żmien ilu. Tikkonferma li dan ir-‘referral’ l-iehor kien jirrigwardja abbuż sesswali li eventwalment ma kinux ittieħdu passi minħabba li l-verżjoni tagħha ma kinitx ġiet ikkorroborata. Tispeċifika li dan kien rigward allegat abbuż  sesswali mis-sieħeb t’omm il-minuri u li dan allegatament kien seħħ madwar 12-il sena ilu. Tikkonferma li hi ma reġgħetx kellmet lill-minuri wara li bdew il-proċeduri odjerni. 

Il-Qorti qalet li “kull min jipparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ persuna ta’ taħt is-16-il sena jeħel, meta jinstab ħati, il-piena ta’ priġunerija minn ħames snin sa għaxar snin.” Qalet li jirriżulta li l-imputat u l-vittma minuri għandhom wild.  Qalet li l-minuri ikkonfermat li r-relazzjoni ta’ bejnha u bejn l-imputat saret bil-kunsens tagħha. 

Is-sentenza tikkwota parti minn stqarrija fejn deher ċar li l-akkużat jammetti li wettaq l-att. 

M: Aħna ġejna nfurmati minn Child Protection Services 

li f’din ir-relazzjoni kellkom wild bħalma diġà 

għediltna. Dan tiegħek hux hekk? 

L-akkużat: Mhux hekk 

M: Qabel kellimtek jien kont taf li ma jistax ikollok 

x’taqsam sesswalment ma’ persuni taħt is-16-il 

sena?

L-akkużat: ija mhux xi ħaġa ovvja
M: Allura għaliex kellek x’taqsam magħha?
L-Akkużat: sirna ninħabbu u kella l-kunsens ta’ ommha għal din 

ir-relazzjoni.” 

Il-Qorti qalet li għalhekk mill-istqarrija hu ammetta u rriżulta li din l-istqarrija ttieħdet mingħajr minaċċi jew theddid u wara li ngħata d-dritt li jikkonsulta ma’ avukat ta’ fiduċja tiegħu, huwa rrinunzja għal tali dritt. 

Il-Qorti qalet li “l-istqarrija hija kkunsidrata bħala prova reġina, jekk meħuda kif suppost. Il-Qorti qalet li l-vittma kienet mgħarrfa bil-jedd tagħha li tibqa’ siekta u ma tweġibx għall-mistoqsijiet li jsirulha mill-uffiċjal investigatur. Ma jirrizultax li kellha esperjenzi oħrajn ta’ interrogazzjonijiet mill-Pulizija qabel dan, iżda l-għażla li twieġeb jew ma tweġibx setgħet tagħmilha bla konsegwenzi ta’ xejn u għalhekk tali għażla għamlitha b’libertà sħiħa. 

Il-Qorti qalet li “d-difiża ma kinitx qed tikkontesta l-volontarjeta ta’ l-istqarrija, u għalhekk huwa kontrosens li tippretendi li l-istqarrija tiġi skartata fuq il-bażi unika li l-vittma ma kellhiex assistenza legali. L-istqarrija jew saret b’mod volontarju jew le. U hawn tali volontarjetà ma ġietx impoġġija għad-diskussjoni. Konsegwentement in vista tal-fatt li ma hemm l-ebda kontestazzjoni dwar il-volontarjetà ta’ l-istqarrija tal-vittma, f’dan il-każ tali stqarrija hi prova valida u ammissibbli.” 

Fis-sentenza tagħha, l-Qorti tgħid li “mela ħa nagħmilhielek iktar forsi ċara. Tista’ tgħidli lili isma’ jien ma rridx nixhed fil-konfront tiegħu għax hu u jiena għad għandna relazzjoni, għandna tifel u ma nixtieqx li nixhed kontrih.”

Il-vittma twieġeb li “eżatt, ma nixtieqx nixhed kontrih.” 

Is-sentenza tgħid li “fuq dan il-punt referenza qiegħda ssir għas-subartikolu 3 tal-Artikolu 203 tal-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta: “għad-delitt taħt dan l-artikolu ma jittieħed ebda proċediment jekk mhux bil-kwerela tal-parti offiża.  Iżda meta l-parti offiża tirtira l-kwerela, il-Qorti tista’ tiddeċiedi u tordna l-kontinwazzjoni tal-proċedimenti kontra l-allegat awtur, wara li tikkonsidra b’mod partikolari l-aħjar interessi tal-kwerelant, kull persuna ta’ taħt is-16-il sena involuta, ukoll terzi persuni relevanti oħra, u għandha tivverbalizza dik ir-rikjesta u deċiżjoni biex jiġu reġistrati fl-atti tal-kawża”. 

Il-Qorti qalet li “għalkemm m’għadx hemm relazzjoni eżistenti bejniethom, iżda li minn tali relazzjoni twieldet tarbija u li din il-Qorti hi sodisfatta bil-fatt li din ma kinitx relazzjoni sfurzata, lesta li taċċetta din id-dikjarazzjoni.” 

Il-Qorti qalet li mhix sejra tqis din l-akkuża bl-għan li żżomm l-aħjar interess tat-tarbija.  Din se tiġi adottata f’dan il-kaz kif ukoll sabiex l-akkużat ma jkollu ebda xkiel milli jaqdi l-obbligi tieghu fir-rigward il-minuri.  Hu ingħata sentenza ta’ tlett snin probation.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport