Il-ġakketta li l-astronawta Buzz Aldrin libes waqt il-vjaġġ lejn il-qamar inbiegħet għas-somma astronomika ta’ $2.8 miljun fi rkant li sar fi New York.
Aldrin kien libes din il-gakketta waqt il-missjoni ta’ Apollo 11. Din kienet biss oġġett wieħed minn 69 oħra li l-eks astronawta ta’ 92 sena ddeċieda li jbigħ. B’hekk dan sar ogħla oġġett qatt mibjugħ f’dak li għandu x’jaqsam mal-ispazju.
L-eks astronawta – flimkien ma’ tnejn oħra – kienu vvjaġġaw b’suċċess lejn il-qamar fl-1969. Aldrin hu l-uniku wieħed li għadu ħaj. Hu qatta’ l-vjaġġ kollu ta’ sitt ijiem liebes din il-ġakketta, u neħħieha biss meta rifes fuq wiċċ il-qamar minħabba li ovvjament ried jilbes l-ilbies protettiv.
Hu stmat li 650 miljun persuna kienu segwew dak il-mument storiku live fuq it-televiżjoni.