Friday, December 13, 2024

Gallerija tal-arti fil-beraħ fil-Marsa Junction

Aqra wkoll

Infrastructure Malta u l-Iskola tal-Arti f’Malta fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli waqqfu gallerija tal-arti fil-beraħ tul il-korsija għall-mixi u r-roti u l-waqfa prinċipali għall-karozzi tal-linja tal-Marsa Junction.

Il-gallerija tal-arti fil-beraħ, it-tieni waħda tax-xorta tagħha f’Malta, fiha 30 inkwatru kbir li se jkunu qed juru stampi ta’ xogħol artistiku tal-istudenti u tal-għalliema mill-Iskola tal-Arti. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, Infrastructure Malta qed tkompli ttejjeb l-esperjenza ta’ dawk kollha li jużaw it-toroq, il-mogħdijiet, il-waqfiet għall-karozzi tal-linja, il-korsiji għar-roti u ż-żoni tal-park and ride tal-iktar junction li minnha jivvjaġġaw persuni fil-pajjiż.

L-ewwel kollezzjoni f’din il-gallerija ġdida, li se tibqa’ għall-wiri għal ftit xhur, tinkludi xogħlijiet artistiċi ta’ 27 artist, li jinkludu studenti attwali u artisti-għalliema tal-Iskola tal-Arti, kif ukoll xogħlijiet ta’ eks student, mill-arkivji tal-Iskola. Din it-taħlita ta’ xogħlijiet minn studenti u għalliema qed terġa’ tagħti l-ħajja lit-tradizzjoni ta’ wirjiet organizzati mill-Iskola tal-Arti fil-passat meta għalliema, bħall-artisti ċelebri Maltin Emvin Cremona u Carmelo Mangion, kienu jesebixxu x-xogħlijiet tagħhom flimkien mal-istudenti tagħhom.

Ix-xogħlijiet tal-arti magħżula jesploraw l-elementi ewlenin tal-arti primarjament il-kulur, forma, għamla u tessut. Uħud mix-xogħlijiet jistudjaw dawn l-elementi b’mod formali permezz ta’ esperimenti b’kompożizzjoni, kuluri kuntrastanti u kumplimentari, użu ta’ disinji, perspettiva u illużjoni ottika fost oħrajn. Oħrajn jużaw tali elementi biex jesprimu perspettiva eżistenzjali, filosofika jew kunċettwali – ħarsa personali lejn id-dinja jew argument soċjo-politiku.

It-temi esplorati jinkludu s-sostenibbiltà ambjentali, is-sbuħija, il-frammentazzjoni, it-trasformazzjoni u d-dimensjoni tal-memorja fost oħrajn. Ix-xogħlijiet esebiti jvarjaw minn tpinġija għal pittura, xogħol ta’ midja mħallta u collage, fotografija, arti diġitali u tekniki ta’ stampar bħal inċiżjoni, lino-printing, wood-cut u mono-printing.

L-istudenti li qed jipparteċipaw fl-ewwel wirja huma Alexander Buhagiar Said, Tattiana Mazzelli, Anthea Aquilina, Ayasha Abela, Vincent Cassar, Tristan Grixti, Sasha Szlobogyan, Matthias Borg, Aida Baely, Joseph Pace, Sandro Grech, Alberto Favaro u Stephanie Micallef. Waqt li l-għalliema li taw is-sehem tagħhom f’dan il-proġett huma Jeremy Amaira, Thomas Scerri, Joyce Camilleri, Roderick Camilleri, Daniela Guevska, Sephora Borg, Isaac Warrington, Stephen Vella, Kamy Aquilina, Leanne Lewis, Edera Bellizzi u Noel Azzopardi.

L-Iskola tal-Arti f’Malta twaqqfet kważi mitt sena ilu, u stabbiliet ruħha bħala influwenza ewlenija fil-progress u r-riċerka artistika tal-arti viżiva f’Malta. Illum l-iskola toffri varjetà wiesgħa ta’ korsijiet, kemm formali kif ukoll informali, maħsuba biex jilħqu firxa wiesgħa ta’ studenti.

Infrastructure Malta lestiet il-Marsa Junction Project b’investiment ta’ €70 miljun f’April tal-2021 u kkumplimentatu b’żoni estensivi ta’ tisbiħ, li jinkludu 18,195 siġra, arubuxelli u pjanti oħrajn, kif ukoll erba’ xogħlijiet tal-arti monumentali. Kull sena, l-aġenzija se tkompli tiffinanzja żewġ wirjiet tal-arti mill-istudenti u l-artisti-għalliema tal-Iskola tal-Arti fil-gallerija l-ġdida ta’ din il-junction

Is-Sur Victor Galea, Kap tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli laqa’ l-interess ta’ Infrastructure Malta li tappoġġja x-xogħol kreattiv tal-Iskola tal-Arti. “Huwa għan prinċipali tal-iskola li tħeġġeġ lill-istudenti jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom fl-arti viżiva anke billi tipprovdi opportunitajiet biex jesebixxu xogħolhom u jipparteċipaw fi proġetti li jmorru lil hinn mill-parametri tal-iskola. Il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli jinsab ħerqan ħafna li jara din il-kollaborazzjoni tiżviluppa aktar bl-involviment kontinwu tal-istudenti tal-Iskola tal-Arti,” qal is-Sur Galea.

L-Inġinier Fredrick Azzopardi, Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, irringrazzja lill-Iskola tal-Arti talli qed taqsam mal-pubbliku x-xogħlijiet tal-istudenti u l-għalliema tagħha f’din il-gallerija tal-arti fil-beraħ. “Dawk li jgħaddu bil-mixi, il-passiġġieri tal-karozzi tal-linja u ċ-ċiklisti żgur ser jieħdu gost bl-għażla diversifikata ta’ xogħlijiet li l-Iskola qed tippreżenta f’post daqshekk aċċessibbli fil-Marsa, il-Kapitali tal-Kultura ta’ din is-sena. Infrastructure Malta hija impenjata li tkompli taħdem ma’ artisti lokali u internazzjonali biex toħloq aktar xogħlijiet artistiċi għall-infrastruttura pubblika tagħha, filwaqt li tappoġġja l-iżvilupp kreattiv tal-pajjiż.”

Infrastructure Malta u l-Istitut għall-Arti Kreattiva tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) waqqfu l-gallerija tal-arti fil-beraħ tal-Marsa-Ħamrun Bypass, l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f’Malta, f’Diċembru 2020.

Għal aktar tagħrif u għajnuna, żur infrastructuremalta.com jew art.mikielantonvassallicollege.gov.mt, jew ikkuntattja lil Infrastructure Malta fuq 2334 1000, [email protected] jew fuq Facebook, Twitter u Instagram.

Ekonomija

Sport