Saturday, September 20, 2025

“Game-changer għall-industrija turistika ta’ pajjiżna” – MHRA

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) laqgħet b’sodisfazzjon l-aħbar li se jkun hemm titjiriet ġodda li jgħaqqdu Malta ma’ New York u sejħet dan l-iżvilupp bħala “game-changer” għall-industrija turistika ta’ pajjiżna.

“Il-konnettività diretta mal-Istati Uniti tiftaħ opportunitajiet bla preċedent biex jiġu attirati turisti ta’ kwalità minn wieħed mill-akbar swieq għat-turiżmu,” qalet l-MHRA fi stqarrija.

L-Assoċjazzjoni qalet li lil hinn mit-turiżmu ta’ divertiment, din ir-rotta ġdida tagħti spinta oħra lill-industrija MICE (laqgħat, inċentivi, konferenzi u wirjiet) u anke għat-turiżmu reliġjuż, bit-tnejn li huma għandhom potenzjal qawwi li jattiraw aktar viżitaturi mill-Istati Uniti.

Il-President tal-MHRA Tony Zahra sostna li: “dan huwa pass storiku ’l quddiem. Is-suq Amerikan huwa wieħed mill-aktar promettenti f’termini ta’ turiżmu ta’ kwalità. Huma investimenti bħal dawn fil-konnettività li jiżguraw il-futur tas-settur turistiku ta’ Malta. Infaħħru t-tmexxija tal-MTA u tad-Deputat Prim Ministru Ian Borg li għamlu din il-viżjoni realtà.”

“Pass sinifikanti ’l quddiem” – GTA

L-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) laqgħet ukoll l-aħbar li Malta se jkollha titjriet diretti minn u lejn New York minn Ġunju tas-sena d-dieħla. Fissret kif dan huwa pass sinifikanti ’l quddiem li jtejjeb il-konnettività globali ta’ dawn il-gżejjer.

Il-GTA nnotat kif f’dawn l-aħħar snin, Malta rat żidiet sostanzjali fil-wasliet ta’ turisti kemm mill-Istati Uniti kif ukoll mill-Kanada u issa b’din ir-rotta ġdida dawn in-numri mistennija li jkomplu jiżdiedu.

“Li jkun hemm konnessjoni diretta bl-ajru mal-Amerika ta’ Fuq tallinja perfettament mal-Istrateġija tat-Turiżmu ta’ Malta sas-sena 2030 u l-Viżjoni Malta 2050, li jenfasizzaw l-iżvilupp lejn turiżmu ta’ kwalità,” tenniet il-GTA.

L-Assoċjazzjoni faħħret lil dawk kollha li kkontribwixxew biex din il-kisba setgħet tkun possibbli, inkluż il-Ministeru għat-Turiżmu, l-MTA u l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport