Ġewwa l-belt Ġappuniża ta’ Yamaguchi, gang ta’ xadini qed jitterrorizzaw lir-residenti fejn fl-aħħar tliet ġimgħat dawn ferew xejn inqas minn 50 persuna.
Fl-aħħar sigħat kien irrapportat li xadina minn dan il-gang inqabdet u nqatlet hekk kif daħlet fil-bini ta’ skola sekondarja. Din inqabdet minn tim ta’ kaċċaturi mqabbda apposta. Timijiet ta’ kaċċaturi speċjalizzati ilhom għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat jikkaċċaw lix-xadini li huma parti minn dan il-gang, u dan hekk kif ix-xadini bdew serje ta’ attakki fuq adulti u tfal.
Ix-xadini li qed iwettqu dawn l-attakki huma tar-razza macaques u persuni li rawhom qalu li dawn huma ta’ daqsijiet differenti. Ix-xadina li nqabdet kellha erba’ snin u kienet twila nofs metru. Xadini macaques huma komuni f’partijiet kbar tal-Ġappun u f’ċertu żoni huma meqjusa bħala problematiċi hekk kif dawn jieklu l-ħxejjex tal-għelieqi u anke jidħlu fid-djar. Minkejja dan, dak li qed jiġri ġewwa Yamaguchi huwa meqjus bħala mhux tas-soltu. L-awtoritjiet tal-pajjiż ipprovaw jikkontrollaw din il-problema billi poġġew numru ta’ nases madwar il-belt iżda dawn ma ħallew l-ebda riżultat.
Għall-ewwel dawn ix-xadini bdew jattakkaw nisa u tfal, iżda issa bdew jattakkaw lill-irġiel ukoll. Il-maġġoranza ta’ dawk attakkati sofrew minn gdim u grif.