Wara jiem ta’ sorveljanza b’rabta mal-investigazzjonijiet dwar qtates li nstabu maqtulin flaħħar ġimgħat f’xi lokalitajiet, matul il-lejl li għadda, il-pulizija arrestat is-suspettat ewlieni, Ġappuniż ta’ 31 sena.
L-investigazzjonijiet kienu kkonċentrati madwar Tas-Sliema, hekk kif il-pulizija kellha indikazzjoni li l-persuna allegatament involuta, kienet tinsab f’dawk l-akwati. Bid-deskrizzjoni tal-persuna f’idejhom, għal xi 3:00 a.m.,, il-pulizija osservat lil din il-persuna miexja fi Triq Manuel Dimech, Sliema.
Ir-raġel twaqqaf minnufih u minn tfittxija li saret fuqu, instab li kellu par ingwanti tal-latex, simili għal dawk li allegatemnt intużaw fil-qtil tal-qtates, kif ukoll xi pakketti tal-ikel tal-qtates.
Wara li ġie arrestat, saret tfittxija fir-residenza fejn jgħix, fejn ġew elevati l-ħwejjeġ kollha li ssuspettat kien deher liebes u li nqabad fil-filmati ta’ numru ta’ kameras tas-sigurtà.
Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija l-Furjana, fejn l-investigazzjonijiet se jkomplu fis-sigħat illi ġejjin.