Illum għandna realtà ta’ prezz taż-żejt li laħaq kważi $100-il barmil. Realtà li diġa qiegħda taffettwa b’mod qawwi ħafna pajjiżi madwar id-dinja. Bdejna naraw għadd ta’ pajjiżi li b’mod immedjat għollew il-prezzijiet tad-dijżil u l-petrol. L-enerġija u l-prezzijiet marbutin ukoll mistennija jiġu affettwati jekk it-tensjoni fil-Golf Għarbi tkompli għaddejja u ttul. Qegħdin naraw aħbarijiet minn diversi pajjiżi li jitkellmu b’mod kif qegħdin jogħlew il-prezzijiet fil-pompi tal-fjuwil. Dan anke quddiem it-theddida li l-prezz jista’ saħansitra jitla’ sa $140-il barmil.
Pajjiżna ma jgħix f’bozza u għalhekk dak li qiegħed jaffettwa pajjiżi oħra se jkun qiegħed jaffettwa ukoll lill-pajjiżna. Minkejja dan, id-differenza hi li waqt li f’pajjiżna il-prezz baqa’ l-istess u għandna dikjarazzjonijiet ċari ħafna li se jibqa’ kif inhu u dan joffri serħan ir-ras kemm għall-pubbliku inġenerali u anke għan-negozji.
Tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu li waqt li f’pajjiżi oħra qegħdin jogħlew il-prezzijiet tal-fjuwil u dan minnu nfih joħloq pressjonijiet fuq l-istess pubbliku inġenerali u negozji, f’Malta għandna tista’ tgħid l-irħas prezzijiet ta’ dijżil u petrol fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Il-fatti huma ċari: Il-prezz tad-diesel f’pajjiżna hu ta’ €1.21 għal kull litru. Il-prezz medju Ewropew tad-dijżil hu ta’ €1.86 għal kull litru, ferm aktar mill-prezz li qed iħallsu l-konsumaturi f’pajjiżna.
Jekk nieħdu l-prezz tal-petrol naraw li dan hu t-tieni l-irħas fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Hu biss fil-Bulgarija, li hemm prezz irħas minn Malta. Bil-petrol f’pajjiżna hu ta’ €1.34 għal kull litru, il-prezz medju fl-Unjoni Ewropea, hu ta’ €1.77 għal kull litru.
Dawn il-prezzijiet f’pajjiżna ma jistgħux jitqiesu bħala li qishom xejn mhu xejn. Biex inżammu f’dan il-livell stabbli hu minħabba deċiżjonijiet li ttieħdu u dan huma dawk ta’ sussidji fuq il-prezzijiet.
Ġustament kien hemm min staqsa jekk iż-żieda fil-prezz taż-żejt minħabba l-kunflitt fil-Golf Għarbi kienet se taffettwa is-sussidji. Kienet għalhekk importanti id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru li ta garanzija li l-prezzijiet tal-fjuwils, l-elettriku u l-gass, se jibqgħu stabbli bis-sussidji biex il-piżijiet ma jinġarrux mill-familji u n-negozji lokali.
Kinnet dikjarazzjoni ta’ sodisfazzjon u li tagħti nifs dik li għamel il-Ministru tal-Finanzi, Clyde Caruana, li fil-Parlament iddikjara li Malta għandha somma ta’ €250 miljun, li jistgħu jintużaw biex jilqgħu għall-piżijiet f’każ li l-konflitt fil-Lvant Nofsani jkompli jeskala.
M’hemmx dubju li jekk il-kunflitt fil-Golf Għarbi ikompli jtul il-konsegwenzi ekonomiċi se jkunu qawwijin ful kull pajjiż, inkluż pajjiż żgħar bħal tagħna. Kemm minħabba prezz ogħla taż-żejt fih innifsu u kemm fl-impatt li dan ikollu fuq il-produzzjoni ta’ ikel u materji ta’ konsum regolari, l-ekonomiji żgħar u kbar aktarx se jaraw żieda fl-inflazzjoni li ġġib magħha mbagħad tnaqqis fl-attività ekonomika – kemp f’dak li hu bejgħ u anke f’dak li hu xiri. Ekonomiji iżgħar aktarx ikunu aktar vulnerabbli jekk bil-gwerra, tinfirex skarsezza ta’ gass, żjut għax l-ekonomiji l-kbar ikunu f’pożizzjoni aħjar biex jassiguraw il-provvista tagħhom bi prezz irħas.
Quddiem wieħed irid japprezza aktar l-isforz ta’ pajjiżna biex iżomm il-prezzijiet stabbli. Mhux xenarju faċli. L-ispejjeż huma qawwijin u qegħdin dejjem jogħlew. Pajjiżi ferm u ferm akbar minna ħassew sew l-impatt. Hu deċiżjoni mill-aktar pożittiva li l-prezzijiet jinżammu stabbli. Fuq kollox hi deċiżjoni importanti għat-tkabbir ekonomiku.

