Saturday, November 16, 2024

GARANZIJA LI ĦONDOQ IR-RUMMIEN JIBQA’ TAN-NIES

Aqra wkoll

Wara deċiżjoni storika li ilha tkarkar quddiem il-qrati għal aktar minn 20 sena, issa s-sit pittoresk ta’ Ħondoq ir-Rummien se jibqa’ tal-poplu Malti u Għawdxi. Dan ifisser li b’ordni tal-qorti ma jista’ jsir l-ebda żvilupp, hu x’inhu l-iżvilupp. 

Kienet deċiżjoni storika għax f’dan il-każ il-permess għall-iżvilupp intemm wara diversi battalji legali bejn l-iżviluppaturi u l-awtoritajiet konċernati. Hawnhekk irridu nfakkru kemm dan is-sit huwa importanti kemm mill-aspett ambjentali u anke minn dak ekoloġiku tant li l-ħarsien tiegħu kien saħansitra wieħed mill-prijoritajiet fil-proposti li niżżel il-Partit Laburista fl-aħħar manifest elettorali tiegħu fejn iddikjara li l-gvern Laburista jara li bl-ebda mod ma jsir żvilupp f’din iż-żona filwaqt li jara li jsir xogħol ta’ tisbiħ fil-bajja sabiex joffri ambjent aħjar lil dawk kollha li jżuru s-sit. 

Għalhekk nemmnu li l-pass li jmiss, kif qal ukoll is-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg huwa li f’Ħondoq ir-Rummien isir Park Nazzjonali bi spazju miftuħ li jkun jista’ jitgawda minn kulħadd. Issa f’dan il-kuntest wieħed irid jaġixxi b’mod għaqli biex deċiżjoni bħal din li l-għan ewlieni tagħha kien li jgawdi kulħadd, ma tisfaxxax fix-xejn bl-inkarigu ta’ dawk li se jiġu fdati b’dan ix-xogħol biex jassiguraw li ma jsir l-ebda dannu ekoloġiku jew għall-bijodiversità tal-post waqt it-twettiq tal-proġett. 

Ma rridux nonqsu milli nfaħħru lis-Sindku Buttigieg għall-fatt li din il-ġlieda għall-protezzjoni tas-sit għamilha l-ġlieda personali tiegħu tant li baqa’ jippersisti sakemm waslet id-deċiżjoni tal-qorti li tatu raġun f’dak li baqa’ konsistenti dwaru – il-preżervazzjoni ta’ sit li għandu jibqa’ bla mittiefes biex ikun jista’ jibqa’ jitgawda minn kulħadd.

Dan iġgħalna nifhmu li xi kultant l-ambjent m’għandux ibati għas-spejjeż tal-ekonomija anke jekk xi drabi il-linja tal-bilanċ bejn dawn it-tnejn tkun tant irqiqa li toħloq kontroversji sħaħ minħabba l-importanza tagħhom it-tnejn fuq livelli differenti.

Għalhekk nistgħu ngħidu li din kienet rebħa oħra għall-ambjent ta’ pajjiżna li wriet il-konsistenza ta’ dan il-gvern fejn jidħol il-ħarsien tal-ambjent f’pajjiżna. Huwa wkoll messaġġ b’saħħtu kontra l-iżvilupp f’siti ta’ importanza ambjentali. 

Ekonomija

Sport