Ekonomija b’saħħitha, futur għal uliedna verament huwa l-aqwa Budget fl-istorja. Allokazzjoni totali ta’ €9.3 biljun. Ċifra totali ta’ fost l-oħrajn; pagi aħjar, childcare b’xejn, stabilta fil-prezz tad-dawl, l-ilma, gass u fjuwil, mediċini b’xejn, trasport pubbliku b’xejn, servizzi soċjali aqwa, investiment pubbliku rekord, u allokazzjoni enormi għal qabża diġitali u ambjentali.
Ħaddieħor fl-elfejn u tnax l-allokazzjoni li se jasal li jagħti lil poplu kienet anqas minn €3.1 biljun, jew tliet darbiet anqas.
B’din l-ekonomija b’saħħitha, Gvern Laburista jista jagħti lill-poplu dak li l-ebda Gvern qabel ma kien jiflaħ jagħti.
Gvernijiet Nazzjonalisti f’erbatax-il sena bħala medja żiedu l-allokazzjoni tal-baġit b’anqas minn mija u ħmistax-il miljun ewro fis-sena. B’kuntrast Gvern Laburista kull sena żied l-allokazzjoni b’medja ta’ kważi erbgħa mija u ħamsin miljun ewro. Erba’ darbiet akbar kull sena.
Din is-sena biss żidna l-allokazzjoni għal pensjonijiet bi kważi daqs kemm Gvern Nazzjonalista kien iżid l-allokazzjonijiet kollha f’sena. Dan għax Gvern Nazzjonalista lill-pensjonanti għal snin twal mank iż-żieda sħiħa tal-COLA ma kien kapaċi jagħtihom.
Aħna din is-sena tajna lill-pensjonanti kollha aktar mid-doppju tal-COLA, u lil dawk għexerien ta’ eluf ta’ pensjonanti li Gvernijiet Nazzjonalisti wettqu ngustiżżja magħhom tajnihom ħafna u ħafna aktar. Lir-romol Gvernijiet Nazzjonalisti kienu jeħdulom parti mill-pensjoni ta’ żewghom meta dawn kienu jormlu. Lil dawk il-pensjonanti mwielda qabel 1962, Gvern Nazzjonalista kien ċaħħadhom mill-pensjoni massima daqs dawk imwielda warajkom, u lanqas l-istess żieda bħalhom ma ried jagħtihom kull sena.
L-iskuża li kienu jġibu ta’ qabilna kienet is-sostenibilta. Aħna b’sostenibilita nifhmu li ma nisirqux lill-pensjonanti tagħna. Għalhekk din is-sena se nżidu l-investiment tal-Gvern fil-pensjonijiet b’rekord ta’ mitt miljun ewro.
Skont dawk li kitbu d-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni dan ifisser li mank nofs ħobża tal-Malti kull jum mhuma se jieħdu l-pensjonanti. Ma tridx tkun xi factchecker espert biex tinduna kemm għażqu. Biex tixtri nofs ħobża tal-Malti kull jum f’sena tonfoq anzi minn mitejn ewro. Aħna ras għal ras lil pensjonanti tajnihom żieda ta’ aktar minn elf ewro. Ma tantx mar żmerċ fix-xirja, l-Kap tal-Oppożizzjoni, b’ħames darbiet biss.
Ara kif, fi żmien tant ta’ sfida madwarna, xi ħadd jista jafda t-tmexxija tal-ekonomija tagħna f’idejn dawn it-tip ta’ nies.
Gvern Laburista għax kabbar l-ekonomija mhux biss seta’ jżid l-allokazzjonijiet fuq servizzi, investiment u benefiċċji soċjali. Imma uża l-ekonomija b’saħħitha ukoll biex inaqqas il-piż tat-taxxi.
Bdejna fl-elfejn u tlettax billi neħħejna t-taxxa fuq il-paga minima. Komplejna fl-elfejn u sbatax billi neħħejna t-taxxa fuq il-pensjoni. Il-baġit li għadda wettaqna l-akbar tax cut fl-istorja fejn tajna lura mija u erbgħin miljun ewro lil kull ħaddiem.
Kull ħaddiem f’pajjiżna illum l-ewwel elf ewro paga ma jħallasx ċenteżmu taxxa.
Minn tlett snin oħra kull ġenitur b’wild wieħed fuq l-ewwel elf u ħames mitt ewro paga mhux se jħallas ċenteżmu taxxa.
U kull ġenitur b’żewġ ulied jew aktar mhux se jħallas taxxa fuq l-ewwel elfejn u ħames mitt ewro paga fix-xahar.
Fl-elfejn u tnax il-ġenituri ma kienux iħallsu taxxa fuq l-ewwel sebgħa mija u ħamsa u sebgħin ewro biss.
Jiġifieri l-ġenituri kellhom il-piż tat-taxxi jibda fuq paga n-nofs dik li se jibdew iħallsu issa.
Ġenitur b’żewġ ulied li jaqla l-paga medja tallum kien iħallas taxxa fl-elfejn u tnax, kważi tlett elef u disgħa mitt ewro.
Sa tliet snin oħra se jigi ma jħallas xejn.
Fejn Gvern Nazzjonalista lil dawn il-ġenituri middle class kien jintaxxahom bl-ogħla rata, ħamsa u tletin fil-mija, Gvern Laburista mhu se jitlobom iħallsu xejn.
Ekonomija b’saħħitha tfisser li minn sitwazzjoni fejn tintaxxa l-ġenituri fuq il-paga minima, tibda ma tintaxxax il-ġenituri fuq il-paga medja.
Mill-elfejn u tlettax sallum tajna rekord f’tax cuts.
Bejn tneħħija tat-taxxa fuq il-pensjoni, fuq il-paga minima, t-tax cut li kien wiegħed Gonzi u qatt ma wettaq, u t-tax cut rekord tal-baġit li għadda, il-Gvern Malti naqqas il-piż tal-income tax b’madwar tmin mija u għoxrin miljun ewro.
Jiġifieri kull sena tajna lill-poplu bejn spiża akbar u taxxi anqas medja ta’ aktar minn ħames mitt miljun ewro, jew nofs biljun ewro.
Żgur mhux nofs ħobża imma nofs biljun ewro qassamna.
Dik is-saħħa tal-magna ekonomika ta’ pajjiżna. Dak li jippermetti l-aqwa tkabbir ekonomiku fl-Ewropa. Li dak li Gvern Nazzjonalista mank kien jirnexxielu jagħti lill-poplu f’leġislatura sħiħa, aħna naqbżuh f’sena waħda biss!
Ir-ritmu li għaddejjin bih sa issa ma jibdiex ma dak li beħsiebna jkollna fis-snin li ġejjin.
Fit-tlett snin li ġejjin bejn żieda fl-allokazzjoni tal-baġit kif ukoll tax cuts se nkunu qed nħallu żewġ biljun ewro aktar lill-familji u negozji Għawdxin u Maltin. Jiġifieri kull sena se nżidu b’terz fuq dak li tajna bħala medja kull sena mill-elfejn u tlettax ’l hawn.
Il-familji u negozji se jmorru minn fuq b’medja ta’ żewg terzi ta’ biljun ewro fis-sena, minflok b’nofs biljun ewro fis-sena.
Din hija l-bażi għal fażi li jmiss tas-soċjeta tagħna. Ilkoll naraw x’inhu jiġri madwarna. L-isfida ekonomika nternazzjonali, kif ukoll l-effetti kbar kemm tal-AI kif ukoll il-bidliet soċjali. Xogħolna huwa li naqilbu l-isfidi f’opportunitijiet. Li nibqgħu nagħtu garanzija għall-ġid tal-Għawdxin u Maltin kollha.

