Il-manager tal-Ingilterra Gareth Southgate , ilbieraħ issottometta r-riżenja tiegħu wara għat-tieni darba konsekuttiva ma rnexxielux iwassal lill-Ingilterra għar-rebħ tal-Kampjonat Ewropew.
Nhar il-Ħadd li għadda, fil-finali li ntlagħbet fl-Olimpiastadion ta’ Berlrin, it-Three Lions sfaw megħluba minn Spanja bl-iskor ta’ 2-1 wara li tliet snin ilu, f’Wembley Stadium, kellhom ibaxxu rashom għat-telfa kontra l-Italja bl-iskor ta’ 3-2 bl-għoti tal-penalties wara li spiċċaw fi draw ta’ 1-1.
Southgate, 53 sena, mexxa lil pajjiżu għal 102 logħba fi tmien snin fit-tmexxija. Il-kuntratt tiegħu kien mistenni li jiskadi aktar tard din is-sena, eżattament f’Diċembru li ġej.
“Jiena kburi għax jien Ingliż. Kien l-unur ta’ ħajti li nilgħab mal-Ingilterra u li mmexxi lit-team nazzjonali,” qal Southgate.
“Dan fisser kollox għalija u tajtu kollox.
“Iżda issa wasal iż-żmien għall-bidla, u għal kapitlu ġdid.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-FA Ingliża, Mark Bullingham, qal li l-proċess biex jinħatar is-suċċessur ta’ Southgate beda u “l-objettiv prinċipali issa huwa li jkollna l-manager il-ġdid tagħna kkonfermat kemm jista’ jkun malajr”.
Huwa żied jgħid li l-FA “għandha soluzzjoni interim fis-seħħ jekk ikun hemm bżonn” u mhux se tikkummenta aktar dwar il-proċess sakemm jinħatar kap ġdid.
Il-partita li jmiss tal-Ingilterra hija dik mill-UEFA Nations League, kontra l-Irlanda, f’Settembru li ġej.