Sunday, December 22, 2024

Gareth Southgate se jibqa’ fit-tmexxija tat-team nazzjonali Ingliż

Aqra wkoll

Gareth Southgate iddeċieda li jibqa’ fil-kariga biex ikompli jmexxi lit-team nazzjonali Ingliż wara li ngħata ċ-ċans jikkunsidra l-futur tiegħu. 

Il-coach ta’ 52 sena għandu kuntratt mat-Three Lions sal-Euro 2024, għalkemm kien hemm rapporti li seta’ rriżenja mir-responsabbiltá wara l-eliminazzjoni mit-Tazza tad-Dinja wara t-telfa ta’ 2-1 kontra Franza fil-kwarti-finali. 

Huwa kien diżappuntat bil-kritika ħarxa li qala’ wara t-telfa ta’ 4-0 kontra l-Ungerija li l-Ingilterra sofrew f’darhom kif ukoll il-wirjiet f’din il-kompetizzjoni bil-konsegwenza li anke ġew relegati. 

Minkejja li erba’ snin ilu ggwida lill-Ingilterra għas-semi­finali tat-Tazza tad-Dinja fir-Russja, kif ukoll għall-finali tal-Euro 2020 fis-sajf li għadda, kien hemm kritiċi li sostnew li huwa kien megħjun mill-fortuna biex seta’ javvanza f’dawn il-kompetizzjonijiet.

Madankollu issa huwa ddeċieda li se jibqa’ fit-tmexxija sa tmiem il-kuntratt attwali tiegħu, għalkemm għad irid jinforma lill-FA Ingliża b’mod uffiċjali. 

Jingħad li Southgate ħass li l-attenzjoni  u l-arja negattiva mmirata fuqu, setgħet tħalli impatt fuq il-plyers tal-Ingilterra u l-prestazzjonijiet tagħhom, iżda ma ħassx li dik kienet il-kwistjoni fil-Qatar u huwa ferm aktar pożittiv dwar il-futur tiegħu fir-responsabbiltá tat-team Ingliż. 

Ekonomija

Sport