Dylan Cachia pproduċa prestazzjoni mill-aqwa fis-Salina nhar it-Tlieta filgħodu biex spiċċa l-ewwel fl-ewwel tiġrija tal-Kampjonati tal-Għawm Miftuħ tal-Ilma Garmin BSJ imtella’ minn Birkirkara San Ġużepp Sports Club.
Cachia kien fuq quddiem nett mill-bidu tat-tellieqa, fejn poġġa distakk bejnu u l-g
għawwiema l-oħra. Warajh, Luca Vella pproduċa tentattiv determinat biex iżżomm id-distakk bejnu u Cachia qasir kemm jista’ jkun, madankollu malli laħaq l-ewwel baga, Cachia kompla jżid il-pass biex spiċċa l-korsa ta’ żewġ kilometri fi 23 minuta ħdax-il sekonda. Vella spiċċa kważi erba’ minuti warajħ f’27 minuta żewġ sekondi. Fit-tielet post kien Tristan Micallef, li spiċċa wieħed ħamsin sekonda wara Vella.
Il-kategorija tan-nisa ntrebħet minn Roanna Farrugia. Farrugia, li għadha kif irritornat minn wirja tajba fil-Jeux des Iles, ġewwa Mallorca, temmet it-tellieqa fi 28 minuta 43 sekonda u spiċċat fl-ewwel ħames għawwiema fil-klassifika ġenerali. Farrugia kienet segwita minn Martina Micallef, li temmet it-tellieqa f’29 minuta 11-il sekonda. Fit-tielet post kienet Leilla Atzmannstorfer li temmet il-korsa fi 32 minuta 28 sekonda.
Trofej lill-ewwel tliet rebbieħa rġiel u nisa ngħataw mill-President tal-Club Raymond Grech immedjetament wara t-tellieqa.
Il-Kampjonati qed iseħħu taħt l-awspiċi tal-Aquatic Sports Association ta’ Malta u appoġġjati minn Garmin.
It-tieni tellieqa tas-serje Garmin BSJ Open Water Swimming Championships ser jsiru nhar l-Erbgħa 22 ta’ Ġunju fis-Salina. It-tellieqa tibda fis-1830hrs.
Ir-reġistrazzjoni tista’ ssir online permezz ta’ din il-link – https://bsj.mt/event/2022-bsj-open-water-swimming-championships-race-2/