Thursday, December 26, 2024

Gavin Gulia lura fil-Parlament

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ritratti: ALAN SALIBA

12:30 p.m: Fl-ewwel kummenti tiegħu wara li sar magħruf ir-riżultat, Gulia qal li kuntent li wara diversi snin se jerġa’ jsib postu fil-Parlament Malti. Hawnhekk huwa rringrazzja lill-kostitwenti kollha tas-seba’ distrett li wrew fiduċja fih.

12:15 p.m: Gavin Gulia mill-ġdid fil-Parlament wara li ġie elett fl-elezzjoni każwali biex jimtela s-siġġu li ħalla l-Professur Edward Scicluna.

Riżultat finali f’din l-elezzjoni każwali:

Gavin Gulia: 2216 vot
Jeffrey Pullicino Orlando: 1750 vot
Il-kwota kienet ta’ 2074 vot.

11:45 a.m: Charles Azzopardi uffiċjalment eliminat

Hekk kif għadu għaddej il-proċess tal-ewwel għadd tal-voti fin-Naxxar, l-ewwel indikazzjonijiet huma li Charles Azzopardi se jkun l-ewwel kandidat eliminat. Infatti wara l-ewwel għadd, il-voti miksuba huma:

Charles Azzopardi: 1,028
Gavin Gulia: 1,486
Jeffrey Pullicino Orlando: 1,479.

9:00 a.m: Dalgħodu, fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti, in-Naxxar, se jibda l-għadd tal-voti tal-elezzjoni każwali biex jimtela l-post vakant minn Edward Scicluna. Dan wara li l-President ta’ Malta, fuq rakkomandazzjoni tal-Prim Ministru, ħatar lill-Edward Scicluna bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta għal perjodu ta’ ħames snin b’effett mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena. Bejn l-2013 u Novembru 2020, Scicluna serva bħala Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji.

Sal-aħħar jum provdut għan-nominazzjonijiet, ġew preżentati tliet nomini li kienu mingħand Charles Azzopardi, Gavin Gulia u Jeffrey Pullicino Orlando.

Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, Charles Azzopardi kien ġab 584 vot fl-ewwel għadd, Jeffrey Pullicino Orlando kien ġab 572 vot fl-ewwel għadd u Gavin Gulia kien ġab 848 vot fl-ewwel għadd. Dawn il-voti pero ma jiddeterminawx min jiġi maħtur għax kollox jiddependi mill-voti li jintirtu minn dawk li kienu ngħataw lil Scicluna.

Fl-isfera politika, jista’ jingħad li din il-leġislatura hija waħda mill-iktar li kienet ikkaratterizzata minn tibdil qawwi. 20% tad-deputati li kienu fil-Parlament fil-bidu ta’ din il-leġislatura m’għadhomx deputati jew inkella preżenti iżda taħt ċirkostanzi differenti minn meta l-Kamra tad-Deputati tlaqqgħet l-ewwel darba fl-24 ta’ Ġunju 2017.

F’anqas minn tliet snin u nofs, minn total ta’ 67 deputat irriżenjaw 10 deputati. Dan hekk kif fil-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista kien hemm sitt riżenji: Jean Pierre Debono, Peter Micallef, Simon Busuttil, David Stellini, Marthese Portelli u Ivan J. Bartolo.

Min-naħa tal-Gvern kien hemm erba’ riżenji: Helena Dalli li ġiet maħtura bħala Kummissarju Ewropew, Chris Cardona, Joseph Muscat u Etienne Grech.

Fl-istess waqt id-deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi miet u kien hemm tlieta li ma baqgħux marbuta mal-partit politiku li miegħu ġew eletti u li bdew iservu bħala deputati indipendenti. Dawn kienu Konrad Mizzi, li wiegħed li se jibqa’ jagħti l-lealtà tiegħu lill-Partit Laburista, Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia li baqgħux jagħmlu parti mill-Partit Demokratiku. 

Apparti minn hekk, għall-ewwel darba fl-istorja ż-żewġ partiti politiċi ewlenin biddlu l-kap tagħhom fl-istess leġiżlatura bil-Partit Nazzjonalista li għamel hekk darbtejn.

Ir-riżenji ta’ Simon Busuttil u Joseph Muscat ifissru li ż-żewġ partiti l-kbar se jkunu qed imorru għall-elezzjoni li jmiss b’kap ġdid. Fil-każ tal-Gvern, se jkun Robert Abela u fil-każ tal-Oppożizzjoni, se jkun Bernard Grech, li ħa t-tmexxija tal-PN wara Adrian Delia. Delia kien ħa post Busuttil fl-2017.

Ekonomija

Sport