Naf, naf, naf li din l-għajta tiegħi hija għajta fix-xagħri. Għajta fid-deżert. Imma bħala Malti, farka minn poplu li minn dejjem kien minn ta’ quddiem nett biex jaqbeż għad-drittijiet tal-poplu Palestinjan, inħoss li għandi nagħmilha. Bħalma nħoss li għandi nesprimi d-dispjaċir tiegħi li bħala Gvern, bħala pajjiż, imissna inkunu aktar voċiferi fil-fora internazzjonali, partikularment fl-Unjoni Ewropea, favur il-poplu Palestinjan. Dwar dan aktar ‘l isfel.
Ma tgħaddix ġurnata li ma tismax, ma taqrax jew ma tarax li sar attakk ieħor brutali mill-qawwiet militari ta’ Iżrael. Mhux biss. Apparti li kissru dak kollu li kien hemm f’Gaza, issa qegħdin jimblokkaw anke l-wasla ta’ provvisti ta’ ikel, mediċini u kull forma ta’ għajnuna umanitarja lil poplu li litteralment qiegħed jinqatel jekk mhux bil-bombi, bil-ġuħ u bil-għatx u b’nuqqas ta’ kura medika. Xi krudeltà! Xi ħdura! X’kattiverja!
Ma rridux lanqas jgħaddilek l-iċken ħsieb minn moħħok li jien niġġustifika dak li sar f’Ottubru 2023 mill-Hamas. Żgur li le. Imma żgur ukoll li mhux ġustifikat li bi skuża li tpatti, li teqred lill-Hamas allura litteralment tiknes kollox u lil kulħadd.
Dan trid tqisu f’dikjarazzjonijiet li saru mill-amministrazzjoni tal-Prim Ministru ta’ Iżrael Benjamin Netanyahu li trid tokkupa Gaza, li trid tfarrak kompletament l-post. Trid tqisu wkoll mal-fatt li Iżrael dejjem għamel minn l-Istati Uniti tal-Amerika pupazz. Fatt magħruf l-influwenza li għandu Iżrael fuq min jinħatar biex imexxi lill-Istati Uniti. Il-mod kif qed jaġixxi l-President Amerikan Donald Trump fir-rigward tal-Palestinjani huwa tal-mistħija. Arroganza galore. Għadu kemm approva ‘il-bejgħ’ (l-għoti) ta’ b’kemm jiswew tliet biljun dollaru Amerikan f’armamenti. Dan wara li kien ukoll stqarr li jrid jieħu f’idejh Gaza, jiddetta fejn u f’liema pajjiżi għandhom jintbagħtu l-Palestinjani bħala refuġjati. Qisu qed jitkellem fuq oġġetti u mhux fuq bnedmin tad-demm u l-laħam bħalu. Irid jibdel Gaza f’fantasija ta’ moħħu.
Sadattant it-taparsi kundanni għall-atroċitaiet, għall-krimini tal-gwerra li Iżrael qed iwettaq fuq poplu nieqes minn kollox. Iżrael u l-Amerika jridu jeqirdu lill-Palestinjani minn wiċċ id-dinja akkost ta’ kollox.
L-aħħar statistika li ħarġet l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) turi li minn Marzu li għadda ‘l hawn mietu bil-ġuħ mill-inqas 57 tifel u tifla. Minn meta Iżrael beda r-ritaljazzjoni għal dak li wettqu l-Hamas f’Gaza inqatlu aktar minn 53,000 Palestinjan li 80% minnhom kienu nies ċivili. Min-naħa tagħha l-Ġnus Magħquda tistma’ li 70% tal-Palestinjani maqtula f’binjiet residenzjali kienu nisa u tfal. Konvint li sal-lum dawn iċ-ċifri u persentaġġi żdiedu.
Ma’ dawn l-atroċitajiet ma ninsewx il-qerda ta’ kull forma ta’ infrastruttura li kien hemm f’Gaza. Ma ħallewx binja waħda sħiħa. Ma ħallewx sptar wieħed jaħdem. Ma ħallewx skola waħda. Ma ħallewx triq sura ta’ nies. Ma ħallewx il-produzzjoni tal-ikel u l-ilma. U biex ikomplu jwaddbu l-melħ fuq il-ferita b’kattiverja tal-għaġeb imblukkaw ukoll il-wasla ta’ kull forma ta’ għajnuna umanitarja.
U Alla jbierek l-Unjoni Ewropea ċiċċi beqqi. Ħalqha magħluq! Mhux hekk imma meta r-Russja invadiet l-Ukraina. Qajmet kull forma u xorta ta’ protesta u miżura kontra r-Russja. U għamlet sew. Imma allura għaliex mhux l-istess kontra Iżrael? Għaliex għall-Unjoni Ewropea hemm differenza enormi bejn tfal Ukreni u tfal Palestinjani? Għaliex fil-konfront tar-Russi l-Unjoni Ewropea tuża l-id tal-ħadid u fil-konfront ta’ Iżrael tuża l-ingwanti tal-ħarir?
L-Unjoni Ewropea f’sitwazzjoni bħal din, bl-aġir tagħha, imissha tistħi minnha nnifisha.
U Malta? L-istorja tagħna magħrufa fejn jirrigwarda l-Palestinjani. Dejjem konna ta’ għajnuna. Dejjem offrejna għajnuna, f’diversi livelli u sferi, fosthom edukazzjoni u mediċi. Sa ftit tal-ġimgħat ilu reġgħu nġiebu tfal Palestinjani għal kura akuta. Imma xorta waħda nemmen u nippretendi li nkunu ferm u ferm aktar voċiferi fil-fora internazzjonali. Iżrael ħaqqu kull xorta ta’ kundanna. Ma nħossx li qegħdin nagħmlu biżżejjed.
Anke f’affarijiet li forsi jistgħu jidhru żgħar m’għandna noffru ebda koperazzjoni lil Iżrael. M’għandna niċċappsu f’xejn fejn ikunu Iżrael sakemm jibqgħu għaddejjin b’dawn il-massakri. B’dawn l-atroċitajiet. B’dan il-ġenoċidju. Ftit eżempji: Festival bħalma huwa l-Eurovision. La darba Iżrael jitħalla jipparteċipa, Malta m’għandhiex tipparteċipa. Football: Meta aktar tard din is-sena jittellgħu l-poloz tal-kompetizzjonijiet Ewropej, u ngħiduha kif inhi ma nafx kif Iżrael sar parti mill-Ewropa, it-timijiet Maltin, għandhom jagħmluha ċara mill-ewwel li jekk il-polza ġġibhom kontra timijiet minn Iżrael, allura jirtiraw minnha. L-istess nippretendi li għandha tagħmel kull assoċjazzjoni sportiva Maltija.
M’għandna nikkoperaw qatt u f’xejn ma’ min qiegħed ixerred demm l-innoċenti.