Friday, November 22, 2024

Ġej il-maltemp, iżda x’tip u x’qawwa ta’ maltemp għalissa diffiċli tbassru

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat smajna u qrajna rapporti li fil-jiem li ġejjin il-gżejjer Maltin se jkunu qegħdin jintlaqtu minn maltemp ftit qawwi. Kien hemm saħansitra li se nkunu qegħdin nintlaqtu minn ċiklun.

Iżda fil-verità biex tbassar il-maltemp li se jgħaddi minn fuqna jew qrib sew tal-gżejjer Maltin, bħalissa hu ftit diffiċli. Indikazzjonijiet hemm, iżda xejn ċertezza. Jekk wieħed iqalleb diversi siti tat-tbissir tat-temp kemm lokali u anke barranin jinduna li dan qiegħed jinbidel b’mod kontinwu.

L-aktar persuna li tat spjegazzjoni ċara ta’ x’inhu jiġri u għaliex mhux faċli li tbassar x’inhu ġej kien Gordon Grech mill-paġna Aġġornament tat-Temp.

Grech kiteb li “dan mhux xi temp li ġej mil-Lbiċ u allura jkun hemm garanzija li se jmssna. Ir-raġuni hi li se tinħoloq maltempata fix-Xlokk tal-Mediterra u din titla’ fil-Grigal. Dan hu kontra l-kurrenti ta’ Settembru u Ottubru. Ir-riħ idur Grigal qawwi u dan il-maltemp minflok jersaq lejn il-baħar Ionio jersaq lejn il-gżejjer Maltin.” Jekk jiġri dan ikun ifisser li l-Anti Ċiklun Afrikan ikun tilef sew mill-pressjoni atmosferika tiegħu.

Dalgħodu Gordon Grech fuq il-paġna tiegħu kiteb li minkejja li kien se jagħti xi tbassir tat-temp xorta waħda wieħed irid joqgħod attent għal xi konklużżjonijiet. Dan għaliex ma hemm l-ebda ċertezza li dan il-maltemp se jmissna minħabba li mhux ġej minn fuq it-Tuneżija u Tripli.

Dan hu t-temp previst minn għada sal-Ħadd skont Gordon Grech … u mill-ġdid dan jista’ jinbidel kontinwament.

Għada t-Tlieta ftit imsaħħab li jissaħħab ħafna waranofsinhar b’riħ Tramuntana għal Grigal forza 3 għal 4. L-Erbgħa imsaħħab bil-possibilità ta’ 70% ta’ xita. Riħ se jkun forza 5 li jitla’ forza 6 wara nofsinhar li imbgħad jerġa’ naqqas għal forza 5 filgħaxija.

Il-Ħamis lejlet il-festa hemm posibbilità ta’ 60% ta’ xita filgħodu li jsir imsaħħab mal-jum, bil-posssibilità ta’ xita aktar tard matul il-ġurnata tinżel għal 55%. iżda wara l-10.00pm din terġa’ tgħola għal 75%.

Il-Ġimgħa – Jum il-festa pubblika. Hemm possibilità ta’ 75% u aktar ta’ maltempata bejn 1.00am u 7.00am li imbgħad isir ftit imsaħħab sa nofsinhar. Ftit imsaħħab filgħaxija bil-possibilità ta’ 55% ta’ xita. Gordon Grech jerġa’ jtenni li din il-previżżjoni tista’ tinbidel u se jkun hemm aktar dettalji matul il-ġurnata tal-Erbgħa.

Sport