Il-Kabinett f’laqgħa storika mal-Kamra tal-Kummerċ
F’laqgħa storika fil-bini tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Prim Ministru Robert Abela beda biex irringrazzja lill-Kamra tal-Kummerċ tax-xogħol siewi li qed tagħmel u talli qed isservi ta’ kuxjenza ekonomika fi żmien partikolari. Abela qal li “r-raġuni li ġejna hawn illum hija biex nuru li dan huwa gvern li jiddjaloga, jisma’ u fuq kollox jifhem u jattwa.”
Il-Prim Ministru kompla jgħid li “llum għandna esperjenza biżżejjed biex nipproponu flimkien mudell ekonomiku ġdid ibbażat fuq prinċipju li madwaru rridu nibnu l-mudell ekonomiku ġdid: Kwalita’ ta’ ħajja aħjar.”
Kwalità ta’ ħajja aħjar li nara tista’ tintlaħaq permezz ta’ ħames punti ta’ prinċipju:
- Governanza tajba;
- Tkabbir ekonomiku għal kwalità ta’ ħajja aħjar;
- Edukazzjoni għal ekonomija b’saħħitha fit-tul;
- Titjib fl-infrastruttura ta’ Malta;
- Carbon neutral sal-2050 b’miri intermedjarji kull 10 snin.
Il-Prim Ministru qal li “għalhekk, kien importanti ħafna x-xogħol li għamilna fl-Unjoni Ewropea fin-negozjati dwar il-Multi-Annual Financial Framework u l-Fond Ewropew għall-Irkupru meta ksibna rekord ta’ fondi għal pajjiżna, €2.25 biljun, li rridu niffukawhom għal dawn l-għanijiet.”
Governanza tajba
Huwa spjega li kif permezz tal-ewwel “binarju li tlaqna bih seba’ xhur ilu diġà qed naraw ir-riżultati konkreti kien bażi għal governanza tajba.”
“Għall-kummerċ u l-business, il-korruzzjoni mhux aċċettabbli fl-ebda livell. In-negozju jrid level playing field u dan jista’ jiġi biss b’governanza trasparenti.”
Abela semma’ is-sett sħiħ ta’ liġijiet ġodda bbażati fuq ir-rakkommandazzjonijiet li l-Kummissjoni ta’ Venezja tat lil pajjiżna. “Iddjalogajna magħhom matul dawn ix-xhur, tawna l-opinjoni tagħhom fuq l-abbozzi li ressaqna u tawna rakkommandazzjoni pożittiva. Imma li kellhom ukoll it-timbru partikolari tagħna għas-sistema ġuridika tagħna.”
Tkabbir ekonomiku għal kwalità ta’ ħajja aħjar
Rigward it-tieni binarju, l-Prim Ministru qal li “ma jiswa’ xejn li jkollna tkabbir ekonomiku, jekk is-soċjetà ma tkunx qed tgħix aħjar. Storbju, laxkezza fid-dixxiplina pubblika, trabijiet fl-arja, postijiet mhux aċċessibbli għal kulħadd għal diversi raġunijiet. Minn kwistjoni ta’ diżabbiltà sa kwistjoni li ċerti bnadi saru inaċċessibbli għall-poplu minħabba problemi soċjali u ambjent li jmur lura.”
Abela għamilha ċara li jekk pajjiżna se jkollu tkabbir ekonomiku, mingħajr il-ħarsien tal-kwalità tal-ħajja, allura ma jiswa’ xejn. “Għalhekk il-qasam soċjali, bil-housing tkun prijorità, huwa qasam li għadna rridu nsaħħu.”
Il-Prim Ministru semma’ kif se jkun qed jara, flimkien mal-Ministru tat-Turiżmu, li pajjiżna jorjenta l-kampanji tiegħu biex f’Malta għas-snin li ġejjin nattiraw kwalità aħjar ta’ turist. “Irridu l-bilanċ anke f’dan il-qasam biex nattiraw iktar turist ta’ kwalità li jagħżel akkomodazzjoni ta’ livell ogħla u li japprezza pajjiżna kulturalment, storikament u anke bħala oasi ta’ mistrieħ.”
Il-Kelliem tkellem wkoll dwar l-importanza tal-ambjent. “Għandna l-isfida tal-iskart li hija fost l-ikbar sfidi għal pajjiżna. Imma wkoll irrid nara Malta iktar nadifa, b’inqas trab fl-arja, b’iktar spazji miftuħa u deċiżjonijiet ta’ ppjanar ibbażati fuq prinċipju li kwalunkwe deċiżjoni għandha twassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti f’Malta u Għawdex.”
Edukazzjoni għal ekonomija b’saħħitha fit-tul
“It-tielet punt ta’ prinċipju li nemmen jista’ jwassal għal viżjoni medium u long-term ta’ pajjiżna huwa l-edukazzjoni.”
Abela enfasizza kif “m’aħniex qed nippreparaw lit-tfal tagħna biżżejjed biex ikunu ppreparati fil-Matematika, Xjenzi u ekonomija diġitali li huma l-qafas tal-viżjoni tal-gvern għall-ekonomija li toħodna għall-ħamsa, għaxra u għoxrin sena oħra.”
Quddiem dan, il-Prim Ministru staqsa, jekk “l-edukaturi tagħna li huma fost l-iktar li jistinkaw u jaħdmu fid-dinja, kellhom preparazzjoni b’saħħitha biżżejjed fl-oqsma tal-matematika, xjenzi u dak kollu li jdur mad-dinja diġitali tal-lum?”
Dan iwassalni għal dak li nemmen għandha tkun l-enfasi tal-ekonomija tagħna li fis-snin li ġejjin, nippreparaw l-istudenti f’oqsma bħal Life Sciences, robotics, coding, infrastruttura ta’ IT, software development, Intelliġenza Artifiċjali, Cloud Computing, Quantum, Cyber Security u Industrija 4.0 – ir-raba’ rivoluzzjoni industrijali.
Titjib fl-infrastruttura ta’ Malta
“Biex noffru kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin u biex inkunu ġurisdizzjoni li tattira investituri ta’ kwalità, turist ta’ kwalità u allura anke ħaddiema f’Malta ta’ kwalità rridu noffru infrastruttura ta’ pajjiż modern,” spjega il-Prim Ministru Abela.
Żied jgħid li ma nistgħux nibqgħu pajjiż fejn ngħidu li qed nospitaw fost l-iktar industriji sofistikati, imbagħad teħel fit-traffiku u l-ġenn ta’ kull filgħodu u għadna ma wasalnix fuq infrastruttura li tipprovdi mezz kif tivvjaġġa b’mod differenti – bil-mixi jew bir-roti fost l-oħrajn.
Rigward trasportazzjoni tal-massa, Abela stqarr li studji u kliem saru ħafna. “Imma issa rridu nieħdu d-deċiżjonijiet.”
Il-Prim Ministru ħabbar li :bix-xogħol li sar fl-aħħar xhur wasalna fit-tarf tal-proġett importantitissimu biex ikollna t-tieni fibre-optic cable li jgħaqqad b’mod iktar b’saħħtu Malta u Għawdex. B’hekk inkunu nistgħu nattiraw iktar industriji ġodda lejn Għawdex.”
Carbon neutral sal-2050 b’miri intermedjarji kull 10 snin
Il-ħames u l-aħħar prinċipju li qed jgħaqqad mal-ekonomija hija li l-kwalità tal-arja li nieħdu. “Għalhekk irrid li naslu lejn pajjiż li jkun Carbon Neutral sas-sena 2050 b’miri intermedjarji li jintlaħqu fl-2030, fl-2040 u jwasslu sal-2050.”
Abela tkellem kif “għandna bżonn l-aqwa mħuħ f’Malta li jingħaqdu flimkien biex nilħqu dan l-għan, li mhuwiex wieħed ambjentali biss, imma huwa wkoll wieħed ekonomiku bbażat fuq mudell ġdid li rrid nara għal Malta.”
Il-Prim Minisitru qal li “f’din il-viżjoni li għandi, in-nisa se jkunu fiċ-ċentru tal-potenzjal ekonomiku ta’ pajjiżna. Irrid nara li fi rwoli ekonomiċi importanti jkollna iktar nisa li jieħdu d-deċiżjonijiet. Mhux għax nisa, imma għax nisa ta’ kompetenza li jistgħu jagħtu perspettiva differenti minna lkoll.”
Il-Prim Ministru ta’ Malta kkonkluda jgħid li “ridt li naqsam magħkom il-viżjoni ekonomika tiegħi li ma nbidlitx wisq minħabba l-Covid. Jekk xejn saħħitli l-ħsibijiet li diġà kelli għal pajjiżna.”