Tuesday, December 24, 2024

GEM 16+… Valur lill-istudent biex jemmen aktar fih innifsu

Aqra wkoll

Karl Galea hu guidance teacher fil-Gem 16+ u ilu jokkupa dan ir-rwol għal tmien snin sħaħ. GEM 16+ hi skola li tagħti opportunità oħra liż-żgħażagħ li forsi ma jkunux kisbu l-ħiliet sħaħ tagħhom wara li jtemmu l-iskola sekondarja apparti li forsi ma jkunux ġabu l-eżamijiet fil-Livell Ordinarju.

Kif jindika l-isem, iż-żgħażagħ iridu jkunu aktar minn 16-il sena għalkemm skont Galea hemm ukoll oħrajn li jaqbżu bi ftit l-għoxrin sena fejn dawn ikunu jridu jistabilixxu ruħhom f’ċerti ħiliet qabel ma jmorru fid-dinja tax-xogħol

Aħna tkellimna ma’ Galea fejn tana rendikont dwar l-operat ta’ din l-iskola u kemm din tgħin lil dawn iż-żgħażagħ.

“F’GEM 16+, naħdmu ma’ żgħażagħ b’approċċ differenti u fuq kollox ikollna minnhom li verament huma vulnerabbli. Dawn iġorru magħhom bagalja soċjali u emozzjonali li xi kultant xejn ma tkun sabiħa u li jħossu li għandhom futur imċajpar. Hawnhekk irridu nkunu aħna l-guidance teachers li noffru l-għajnuna pastorali tagħna sabiex naraw lill-istudent ikompli jimxi ‘l quddiem.”

Karl Galea jaħdem ma’ tim sħiħ ta’ nies li flimkien mat-tmexxija tal-iskola jaraw li l-istudent ikun i-ċentru tal-ħidma pastorali u akkademika tagħhom.

Iżda xi tfisser meta ngħidu ħidma pastorali? “Meta qed nitkellmu fuq ħidma pastorali, qed nitkellmu fuq il-ħidma tagħna biex ngħinu fi problemi personali li jkollhom dawn l-istudenti żgħażagħ. Aħna nisimgħu stejjer diffiċli ħafna minn studenti li saħansitra jkunu għaddew minn abbuż psikoloġiku u bullying. Dawn insejħilhom ġrieħi li kapaċi jġorruhom tul ħajjithom kollha jekk aħna ma nintervjenux. Hu proċess ta’ fejqan li jieħu fit-tul bl-istudenti li jiġu jfittxu l-għajnuna u aħna naraw kif nistgħu ngħinuhom f’dan il-vjaġġ edukattiv u speċjali li jkunu qabdu. 

Galea jgħidilna li l-kors f’GEM 16+ hu differenti minn dak tal-iskola sekondarja fejn issir reviżjoni tajba ta’ dak li jkun sar fis-sillabu mit-tielet sal-ħames sena. L-għalliema jaraw li l-istudenti jkollhom ħiliet bażiċi fil-Malti, Ingliż, Matematika, Fiżika, Bioloġija u saħansitra Edukazzjoni Fiżika bl-għan ewlieni hu li jkollhom dawn il-kapaċitajiet tagħhom li jiġu ndukrati u msaħħa.

“Naħdmu ħafna fuq diversi ħiliet u ma nieqfux biss fuq il-lat akkademiku fejn anke mmorru għal dak soċjali fejn fost l-oħrajn, ngħallmuhom ħafna affarijiet relatati ma’ PSCD fosthom meta tkun sejjer għal xi intervista tax-xogħol. Ngħidulhom kif għandhom jimlew Curriculum Vitae (CV) u anke ntuhom parir xi ħwejjeġ iridu jilbsu. Hu programm ħolistiku li jgħin mhux ftit lill-istudent partikolari.”

Karl Galea jgħidilna li l-għalliem tal-lum il-ġurnata jmur lil hinn minn sempliċi gwida fejn wieħed jgħin lill-istudent fuq livell akkademiku. Fil-fatt wieħed irid iservi wkoll ta’ gwida fejn fis-soċjeta’ li qed ngħixu fiha llum il-ġurnata fejn il-ħajja saret mgħaġġla u fejn kollox sar xejn m’hu xejn, l-għalliem għandu funzjoni doppja. Fil-fatt, illum għalliem ma jridx jillimita ruħu biss li jgħallem is-suġġett iżda wkoll li joffri gwida għal dak l-istudent partikolari li jkollu jew li jkun għaddej minn problemi partikolari. 

“Aħna ma narawx l-istudent bħala numru iżda bħala individwu li għandu l-istorja personali tiegħu. Kull student għandu emozzjonijiet u storja li jkun għadda minnha.”

“B’xorti ħażina, il-fibra tal-familja u l-morali niżlu mhux ftit u ġieli t-tfal ikunu totalment mitlufa. Hawnhekk ikollu jidħol l-għalliem li għandu rwol kruċjali sabiex jara li l-istudent żagħżugħ jingħata gwida u direzzjoni fejn din suppost ingħatat mill-familjari tiegħu. Dan hu kruċjali ferm għax inkella nirriskjaw li nitilfu lil dawn iż-żgħażagħ li jħossuhom mitlufa mingħajr ċerta għajnuna emozzjonali.

Ftit tas-snin ilu kienu tneħħew l-iskejjel tas-snajja. Karl Galea jgħid li din kienet deċiżjoni mgħaġġla u sar żball għax wara l-għeluq ta’ dawn l-iskejjel kien hemm vojt kbir li kien diffiċli timlih. Hu veru li kien hemm l-MCAST li sa ċertu punt serviet biex dawk li riedu ċerti ħiliet kienu jsibuhom hemmhekk iżda xorta ma kienx hemm bdil neċessarju sabiex ċerti studenti spiċċaw fi skejjel sekondarji mingħajr direzzjoni partikolari.

“Dawn l-iskejjel tas-snajja kienu tajbin speċjalment fis-snin sebgħin, tmenin u disgħin iżda naħseb l-iżball li sar kien proprju li dawn ma komplewx jimxu maż-żminijiet. Bħalma nafu l-kompjuter u t-teknoloġija ħadet ir-riedni ta’ diversi postijiet tax-xogħol u kien hawn li dawn l-iskejjel m’aġġornawx u tħallew għal riħhom. Kienet xi ħaġa naturali li dawn eventwalment jagħlqu.”

Saqsejna lil Karl Galea dwar l-aħħar statistika li ħarġet fuq ir-riżultati tal-eżamijiet tal-MATSEC fejn kien hemm numru mhux ħażin ta’ studenti li weħlu.

“B’xorti ħażina din hi trend li ilna ninnutawha u ma rridx inwaħħal direttament fl-istudenti. Naf kemm isir xogħol u dedikazzjoni kbira fl-iskejjel primarji u sekondarji u l-għalliema jagħmlu minn kollox biex dawn l-istudenti jkunu ppreparati. Madankollu s-sistema edukattiva mhux tirnexxi u hemm diversi fatturi li flok qed iġiegħlu lill-istudenti jħobbu l-iskola, qed naraw li dawn isiru litteralment jobogħduha.”

“L-istudenti qed jiġu ppreparati għall-eżamijiet iżda li jiġri hu li jekk jaslu sal-eta’ ta’ 16-il sena u ma jkunux ġabu xi eżamijiet mil-livell ordinarju, dawn qed jiġu ttimbrati li mhux kapaċi.”

“Tajjeb li ngħid li mhux kull student jimmatura bl-istess mod. Għandek studenti li ta’ sittax-il sena jkunu għadhom mhux ippreparati biex jersqu għal eżami. Jiġu studenti li ma jkollhom eżami wieħed u kif imissu magħna dawn jinbidlu u ġieli kellna każijiet fejn ikunu għaddew minn sitt suġġetti. Dan kollu ma jsirx b’xi tip ta’ bakketta maġika iżda aħna nagħtu valur lill-istudent fejn inġiegħluh jemmen aktar fih innifsu.”

Huwa għalhekk li Karl Galea temm din l-intervista sabiex iħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jingħaqdu magħhom fl-iskola sabiex ikunu jistgħu jiksbu l-ħiliet kollha neċessarji biex imorru għad-dinja tax-xogħol b’aktar kunfidenza u sigurtà. 

Il-postijiet huma limitati u għalhekk l-appell ta’ Galea hu biex dak li jkun ma jdumx jaħsibha wisq.
 

Ekonomija

Sport