Saturday, November 23, 2024

Ġenitur Malti jerbaħ kawża f’qorti Skoċċiża biex jiġib lura lil ibnu

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-omm żagħżugħa lura f’pajjiżna bit-tarbija… wara mistennija jibdew proċeduri dwar il-kustodja tal-minuri 

Miktub minn CARMEN CACHIA

Każ li ġibed l-attenzjoni ta’ ħafna, inklużi politiċi u esperti fil-qasam tas-saħħa huwa dak tat-tfajla Skoċċiża Leigha u l-eks sieħeb tagħha Malti, Kyle Borg. Il-koppja żagħżugħa kienu f’relazzjoni meta kellhom lit-tarbija Hayes u wara li din ir-relazzjoni sfaxxat, it-tfajla telqet bit-tifel lura lejn pajjiżha. Il-missier fetaħ kawża fejn talab li ibnu jinġieb lura Malta u minkejja li l-omm esprimiet biża’ biex taqbad ajruplan minħabba l-Covid-19 u anke allegat maltrattament mill-eks sieħeb tagħha, il-qorti Skoċċiża ordnat lil Leigha tiġi lura Malta flimkien mat-tifel. L-omm u t-tarbija issa jinsabu Malta fejn fil-ġranet li ġejjin mistennija jibdew id-diskussjonijiet fuq il-kustodja tal-minuri.

Fil-fatt dan is-sit huwa infurmat li Leigha u Hayes ġew milqugħa f’appartament li l-ġenituri ta’ Kyle stess krew biex l-omm u t-tarbija jkollhom fejn jgħixu u l-bżonnijiet kollha. L-avukat Thake, li qiegħed jippreżenta lill-missier tal-minuri f’din il-kwistjoni legali qalilna li, “minkejja Leigha xerdithom mal-midja Skoċċiża kollha, huma ma jridux ikissruha u qegħdin jagħmlu minn kollox biex jgħinuha”. 

L-omm ordnata ġġib lil Hayes lura Malta

Imħallef fl-Iskozja ordna lit-tfajla biex tiġi lura f’pajjiżna bit-tarbija ta’ 11-il xahar wara li din ħadet lill-minuri barra minn Malta mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor. Din l-ordni ħarġet fi żmien il-lockdown fir-Renju Unit u t-tfajla kellha taqbad titjira lura Malta wara li ġie deċiż li dan huwa każ ta’ ħtif u t-tifel għandu jirritorna f’art twelidu.

Leigha Collins, li għandha 18-il sena, marret lura fl-Iskozja wara li ntemmet ir-relazzjoni mal-missier Malti ta’ binha. Il-koppja ltaqgħu tliet snin ilu meta Leigha ġiet tgħix hawn fejn il-ġenituri tagħha fetħu ħanut tax-xorb f’San Pawl il-Baħar.

Il-mara ħadet lit-tarbija u iben ieħor minn tagħha lura lejn l-Iskozja iżda l-missier beda battalja legali fil-qorti ta’ Edinburgh biex iġib lil ibnu Hayes lura Malta.

L-omm żagħżugħa, li għandha iben ieħor ta’ sentejn, tkellmet ma’ ġurnali Skoċċiż fejn qalet li Borg kien iħobb lill-ewwel wild tagħha daqs li kieku kien demmu u li meta ħarġet tqila minnu, huwa aċċetta li jmorru fl-Iskozja biex jibdew ħajja ġdida u jibnu familja hemmhekk.

Aktar tard il-ġenituri tagħha għalqu l-ħanut u marru lura f’Fife fejn kien ingħaqdet magħhom din il-koppja żagħżugħa. Leigha qalet li Borg ma setgħax jidhra barra minn Malta u kkonvinċiha biex jerġgħu jiġu Malta. Sfortunatament, ftit wara li ġew, ir-relazzjoni bejniethom waqfet.

L-Iskoċċiża telqet lejn pajjiżha wara li akkużat lil Borg li attakkaha fl-appartament li kienu jgħixu fih f’Birkirkara f’Diċembru li għadda. Hija ċemplet lill-pulizija fejn huwa mifhum li t-tfajla saħqet li l-pulizija ħadu r-rapport tagħha waqt li Borg baqa’ preżenti fl-istess kamra.

L-omm għamlet diversi intervisti u appelli biex ma tiġix lura Malta fosthom lill-Prim Ministru Nicola Sturgeon, li min-naħa tagħha qalet li, “minkejja li nissimpatizza ma’ Leigha u l-familja tagħha, ma jkunx sew jekk nindaħal fil-proċess legali”. 

F’intervisti li kellha mal-midja Brittannika Leigha akkużat lil Borg, li għandu 19-il sena, li kien vjolenti fil-konfront tagħha u li ma kienx jagħti kas tat-tifel. Hija qalet ukoll li l-istress minħabba din is-sitwazzjoni qiegħed jikkawżalha attakki ta’ paniku u li l-ġenituri tagħha jinsabu inkwetati ferm. 

It-tfajla sostniet li vjaġġar bl-ajruplan bħalissa huwa ta’ riskju minħabba li hija tbati bl-ażma u qalet ukoll li n-nifs tat-tifel dan l-aħħar ma kienx normali u għaldaqstant tibża’ li huwa wkoll ibati bl-istess kundizzjoni respiratorja.

“Nixtieq li niftiehmu u mmur lura f’pajjiżi”

Dan il-ġurnal għamel kuntatt ma’ Leigha fejn qaltilna li m’għandha ebda pjanijiet konkreti għall-futur ħlief dak li teħles il-qorti ma’ missier it-tifel. Hija qalet li kellha titlaq lit-tifel il-kbir tagħha mal-ġenituri lura fl-Iskozja u m’għandha ebda ħjiel meta se tkun tista’ terġa’ tingħaqad miegħu.

L-omm żagħżugħa qalet ukoll li Borg m’għandux permess jersaq viċin tagħha u meta rrapportat vjolenza domestika hija kellha għajnuna mill-Appoġġ.

“Konna diġà għamilna kuntratt ta’ ftehim biex jien inkun nista’ nirritorna f’pajjiżi bit-tifel iżda ma ftehmnix fuq ċertu dettalji. Issa qiegħda nittama li naħdmu fuq l-istess kuntratt b’tibdil fejn meħtieġ. Jien nixtieq immur lura f’pajjiżi u jkun hemm żjarat miż-żewġ naħat biex jibqa’ l-kuntatt bejn it-tifel u l-missier,” spjegat Leigha.

“Qatt ma semmiet episodju ta’ vjolenza domestika”

L-avukat ta’ Kyle Borg, Robert Thake, qalilna li fl-affidavit ġuramentat tagħha li ppreżentat fil-qorti Skoċċiża, Leigha qatt ma semmiet li kien hemm xi episodju ta’ vjolenza domestika u li hija semmiet biss abbuż verbali.

Thake qal lil dan il-ġurnal l-klijent tiegħu se jkun qiegħed jesplora l-possibbiltà li jkollu l-kura u l-kustodja. “L-imhallef qal li l-verżjoni tagħha dwar vjolenza domestika ma kienx pruvat. Din ovvjament ħarġet kollox biex tibqa’ hemm imma ma kien hemm xejn pruvat,” spjega Thake. 

Huwa qal li minħabba biża’ li l-omm kellha biex taqbad ajruplan fi żmien il-pandemija, kien informa lill-avukati tat-tfajla li Borg ma kellu ebda oġġezzjoni li hija u binhom jirritornaw aktar tard lura f’Malta.

Minkejja li l-omm qalet li kienet tratta ħażin anke mill-qraba ta’ Borg, Thake spjega li l-ġenituri tal-klijent tiegħu ħadu ħsieb l-ewwel wild tat-tfajla daqs li kieku kien tagħhom tant li fl-1 ta’ Settembru tal-2019, tliet xhur qabel telqet mill-pajjiż, Leigha ħatret lill-ġenituri ta’ Kyle bħala parrini tal-ewwel tifel tagħha. 

Fl-affidavit tagħha l-omm żagħżugħa qalet li hija mbeżża’ tiġi lura Malta u minħabba li ma taf Borg x’jista’ jagħmel lilha u lil binha. Hija saħqet li huma kienu Malta għal ftit xhur u li dan il-perjodu kien diffiċli ħafna għaliha. Thake sostna li dan assolutament ma kienx il-każ u li Leigha kienet ilha Malta mill-2016. Huwa qal li l-istess tfajla kienet anke lesta biex tagħmel xi eżamijiet f’Malta f’Marzu tas-sena 2020, inkluż il-Malti u li l-ġenituri ta’ Borg trattaw lilha u l-wild tagħha bl-aħjar mod possibbli.

Huwa rrapportat ukoll li Leigha gidbet lill-avukati ta’ Borg li tinsab Għawdex mentri fil-verità din kienet diġà fir-Renju Unit.

L-avukat Thake qal li huwa ħa gost li każ ta’ ħtif ta’ minuri minn pajjiżna ħa l-meritu u wassal għal ġustizzja bir-ritorn tal-minuri. 

Thake b’dispjaċir però jemmen li, “minn dan kollu wieħed irid jara l-ħsara li qiegħda ssir liċ-ċkejken Hayes għax qiegħed ikun fuq l-internet u għada pitgħada hu u sħabu se jarawh u jkunu jafu dak kollu li ġara”.

Sport