Sunday, December 22, 2024

Ġenituri li għebu jiem qabel il-Milied instabu mejta fil-karozza

Aqra wkoll

Johnny u Melissa Soto, li għandhom 52 u 45 sena, rispettivament, ingħad li għebu mid-dar tagħhom fid-distrett ta’ San Ysidro f’San Diego, California, filgħaxija tal-20 ta’ Diċembru. Jiem wara huma nstabu mejta f’karozza ftit mili bogħod mill-fruntiera tal-Istati Uniti u l-messiku.

L-għada tal-Milied, l-uffiċjali tad-Dwana u tal-Patrol tal-Fruntieri tal-Istati Uniti kkuntattjaw lid-Dipartiment tal-Pulizija ta’ San Diego biex jirrappurtaw vettura marbuta mal-każ tal-persuni neqsin.

Id-dipartiment tal-pulizija nhar l-Erbgħa qal li ġewwa l-vettura li nstabet fil-parkeġġ tal-Golden Acorn Casino kien hemm raġel u mara, it-tnejn bla ħajja.  Meta l-koppja nstabu mill-uffiċjali, ir-raġel  kien mejjet minn dik li hi maħsuba li kienet ferita ta’ arma f’rasu. 

Minn stħarriġ preliminari rriżulta li r-raġel qatel lilu nnifsu filwaqt li l-ġrieħi fuq il-mara ma kinux magħrufa immedjatament u se jiġu determinati mill-uffiċċju tal-eżaminatur mediku tad-distrett. Il-mewt tagħha iżda qed tiġi kkunsidrata bħala omiċidju u żewġha qed jiġi suspettat f’dak li jidher li hu każ traġiku ta’ vjolenza domestika. 

Il-koppja miżżewġa kienet qed tgħix separatament, u huwa maħsub li inċident ta’ vjolenza domestika seħħ qabel ma huma ġew irrappurtati nieqsa.

Il-membri tal-familja qalu li l-ġenituri tagħhom ilhom flimkien għal aktar minn għoxrin sena iżda li sseparaw f’Lulju.

L-iben iż-żgħir, Vincent, kien l-aħħar membru tal-familja li ra lill-ġenituri tiegħu jitilqu nhar l-Erbgħa bil-lejl tal-ġimgħa li għaddiet.

Il-vettura tal-koppja nstabet f’Golden Acorn Way f’Campo, li tinsab inqas minn 10 mili mill-fruntiera tal-Istati Uniti mal-Messiku.

Il-Pulizija qed tħeġġeġ lil kull min għandu informazzjoni dwar l-inċident biex jikkuntattja lit-taqsima tal-omiċidji tad-dipartiment tal-pulizija.

Ekonomija

Sport