Sunday, December 22, 2024

Ġenituri li jgħixu Malta obbligati jmantnu ulied li jgħixu f’pajjiżi barranin

Iffirmat ftehim li jikkonkretizza ordnijiet ta’ manteniment li ġejjin minn barra l-pajjiż

Aqra wkoll

F’pajjiżna mhux se jiġi permess li ġenituri jabbandunaw lil uliedhom u jiġu jgħixu f’pajjiżna biex jaħarbu l-obbligi tagħhom.

Permezz ta’ ftehim bejn l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali (LAM) u l-Fondazzjoni għal Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) se jkun hemm aktar koperazzjoni aktar effettiva fl-amministrazzjoni tal-applikazzjonijiet li jitressqu minn pajjiżi barranin fir-rigward tal-manteniment tat-tfal u/jew il-minuri.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza, Edward Zammit Lewis u mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Edward Zammit Lewis spjega li permezz ta’ dan il-ftehim, dan il-Gvern qiegħed ikompli juri kemm għandu għal qalbu d-drittijiet tat-tfal u l-minuri u li qegħdin jaraw li dawn jiġu ssalvagwardjati bil-fatti, irrelevanti min huma jew minn fejn ġejjien. 

Huwa spjega li, “huwa proprju għalhekk li ġie ffirmat dan il-ftehim. Dawn l-applikazzjonijiet se jassiguraw li d-drittijiet tat-tfal li qegħdin jgħixu ma’ ġenitur f’pajjiż barrani, ikunu jistgħu jipproċedu biex jinfurzaw deċiżjonijiet minn Qrati Ewropej barra minn xtutna jew jistabilixxu manteniment ħalli jkunu jistgħu irabbu lil uliedhom bl-aħjar mod”. 

Il-Ministru Zammit Lewis saħaq dwar l-importanza ta’ dan il-ftehim ġaladarba se jkompli jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn żewġ aġenziji importanti li jkompli jgħin biex ċ-ċittadin jingħata l-għodda kollha meħtieġa biex jieħu dak li bid-dritt huwa tiegħu u li d-deċiżjonijiet dejjem jittieħdu fl-aqwa interess tal-minuri.

Il-Ministru Michael Falzon min-naħa tiegħu qal li fl-aħħar sentejn kienu identifikati 22 każ fejn ġiet mitluba assistenza legali minbarra l-pajjiż minħabba kwistjonijiet ta’ manteniment. Semma kif huwa essenzjali li jiġu rrispettati l-obbligi marbuta mal-manteniment għax fl-aħħar mill-aħħar, dawn jaffettwaw lit-tfal direttament. 

Għaldaqstant, il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-ftehim se jkun qiegħed jikkonkretizza ordnijiet li ġejjin minn barra l-pajjiż.

Ekonomija

Sport