Dawk il-ġenituri li jagħżlu li jsemmu lil uliedhom b’isem Malti qed ikollhom jirreġistrawh ħażin għax ir-Reġistru Pubbliku għad m’għandux sistema moderna li biha l-ismijiet tat-tfal ikunu jistgħu jinkitbu bl-ittri tal-Malti li ma jinstabux fl-alfabett Ingliż.
Qed tisħaq dan l-Akkademja tal-Malti li nnotat li dan l-ilment mhux l-ewwel darba li sar u li ssemma fl-aħbarijiet.
L-Akkademja tfakkar li l-alfabett uffiċjali tal-Malti ġie rikonoxxut mill-Gvern 86 sena ilu. B’xorti ħażina r-Reġistru Pubbliku baqa’ m’aġġornax ruħu f’dan ir-rigward, minkejja li fl-aħħar snin tħabbar li dan kien se jsir.
Għaldaqstant l-Akkademja qed titlob lill-awtoritajiet konċernanti biex jieħdu passi minnufih ħalli din il-problema tissolva mill-aktar fis possibbli għall-ġid tal-ġenituri u f’ġieħ l-ilsien nazzjonali.