Il-kwistjoni marbuta mas-sitwazzjoni fil-Kulleġġ ta’ San Albert il-Kbir fejn ġimgħat kien tneħħa l-Kap tal-Iskola Mario Mallia, qed tkompli toħloq tħassib fost xi ġenituri. Dan l-aktar għax il-ġenituri ġew mgħarrfin li t-tfal tagħhom li qegħdin fis-sekondarja ma kinux se jibdew l-iskola nhar it-Tnejn imma fil-fatt il-ftuħ tal-iskola kien pospost b’jumejn.
Ġenituri li tkellmu ma’ dan is-sit qalulna li “bilfors titħasseb. Wara dak li nqala’ ftit ġimgħat, uliedna se jkunu qed imorru lura f’dik l-iskola. Ħsibijiet jgħaddulek minn moħħok u tinkwieta. Anki l-fatt li kellu jiġu pospost il-ftuħ tal-iskola, hi xi ħaġa li dejqitni. Nittammaw li s-sitwazzjoni tkun normali għal uliedna.”
Intant tħabbar b’mod uffiċjali li l-ftuħ tal-iskola sekondarja ta’ San Albert il-Kbir kellu jiġi pospost biex issa l-istudenti tas-sekondarja se jidħlu l-iskola nhar l-Erbgħa li ġej. Dan filwaqt li l-istudenti tal-primarja se jidħlu nhar it-Tlieta kif ippjanat.