Il-Partit Laburista sellem il-memorja ta’ Karmenu Mifsud Bonnici, Eks Prim Ministru ta’ Malta u Mexxej tal-Partit Laburista.
Mifsud Bonnici jibqa’ mfakkar għall-ideal soċjalist demokratiku li ħaddnu b’konvinzjoni u l-mod kif iddedika ħajtu għall-ħidma favur il-klassi tal-ħaddiema.
Fil-fatt Karmenu Mifsud Bonnici, bħala l-Avukat tal-General Workers’ Union ħadem spalla ma’ spalla mal-Partit Laburista ta’ Dom Mintoff fuq il-kwistjoni ta’ liġi industrijali u oppona bil-qawwa l-idea li ħaddiem jintbagħat il-ħabs għaliex jistrajkja.
Il-Perit Dom Mintoff kien propona lil Mifsud Bonnici biex iservi bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit u eventwalment, sena wara, bħala l-Mexxej nominat tal-Partit Laburista.
Fiż-żewġ okkażjonijiet, il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista kienet approvat dawn il-proposti b’mod unanimu.
Mifsud Bonnici kien parti wkoll mill-Kabinett ta’ Dom Mintoff u serva bħala Ministru għax-Xogħol u s-Servizzi Soċjali, Ministru għall-Edukazzjoni u Deputat Prim Ministru fi żminijiet differenti.
Fl-1984, l-Avukat Mifsud Bonnici ħa l-ġurament bħala d-disa’ Prim Ministru ta’ Malta.
Bejn l-1987 u l-1992, huwa serva anke bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Huwa baqa’ jservi fil-Parlament Malti sal-1996.
Il-Partit Laburista jirrikonoxxi l-ħidma sfiqa minn Karmenu Mifsud Bonnici sabiex isawwar il-prinċipji soċjalisti b’saħħithom tal-Partit.
Il-Partit Laburista bagħat il-kondoljanzi sinċiera lill-qraba ta’ Karmenu Mifsud Bonnici u dawk l-aktar qrib tiegħu.