Freedom of Love, huwa t-titlu tal-kanzunetta l-ġdida ta’ Geo Debono, kollaborazzjoni ma’ Toby Farrugia li ġiet mnedija proprju nhar it-Tnejn 15 t’Awwissu. Din hija t-tieni darba li dawn iż-żewġ artisti ħadmu flimkien, hekk kif madwar sen’ilu ppubblikaw il-kanzunetta Who We Are, li matul ix-xhur tas-sajf indaqqet kemm-il darba fuq l-istazzjonijiet tar-radju tant li anke telgħet san-numru 1 fil-Klassifika tal-Maltin.
Fi status li ppubblika fuq il-midja soċjali, Geo qal “kien ilu jberren il-ħsieb f’moħħi li naħdem fuq kollaborazzjoni oħra ma’ Toby, u wara li kkunsidrajt it-temp sħun u anke vaganza fil-bidu tal-ġimgħa, għidt naħseb li huwa l-mumenti opportun”. Il-ħoss sajfi fil-bidu tal-kanzunetta mal-ewwel jagħti stampa ċara ta’ dak li s-semmiegħ għandu jistenna u wara l-ewwel minuta, ikun ġa beda jkanta magħha u forsi jtaptap ftit saqajh ma’ l-art.
Il-kantant/mużiċist Geo twieled fis-16 t’April 1989, u għal dawk li jafuh mill-qrib, żgur jiftakru li ħajtu dejjem kienet mdawwra bin-noti tal-mużika, minħabba li kemm ommu, kif ukoll missieru huma artisti. Tul is-snin, huwa preżenta diversi kanzunetta kemm bil-Malti, kif ukoll bl-Ingliż u ħa sehem f’numru ta’ spettakli kemm lokali, kif ukoll internazzjonali. Fost dawn wieħed jieħu nota ta’ Microfono d’Oro u Do Re Mi ġewwa l-Italja, il-Universong ġewwa Spanja u anke l-Festival tal-Kanzunetta Maltija mtella’ flimkien mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.
Jekk tixtiequ tisimgħu Freedom of Love. u taraw il-vidjo liriku tagħha li ġie maħluq matul dawn l-aħħar ftit ġimgħat, agħfsu hawn:
Il-kanzunetta hija disponibbli wkoll fuq kull pjattaforma possibli grazzi għall-kumpanija tad-distribuzzjoni CAP-Sounds. Idħlu hawn: https://bfan.link/freedom-of-love għal aktar dettalji.
Freedom of Love hija prodott ta’ Tobymusic Productions, bi promozzjoni t’Ironic PR & Artist Management.