Friday, December 27, 2024

George Degiorgio jgħid li ammetta biex jevita sentenza ta’ għomor ħabs

Aqra wkoll

George Degiorgio, li flimkien ma’ ħuh Alfred qed jiskontaw piena ta’ 40 sena ħabs għall-involviment tagħhom fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, iddikjara fil-Qorti li huwa ammetta l-akkużi biex jevita milli jmur għomru l-ħabs.

Huwa kien qed jixhed quddiem l-Imħallef Audrey Demicoli fil-kawża li hu u ħuh fetħu fejn qed jitolbu li l-ġuri tagħhom jerġa’ jinstema’ mill-ġdid fejn qed jallegaw nuqqas ta’ smigħ xieraq.

Fuq il-pedana tax-xhieda, George Degiorgio qal li fl-14 ta’ Ottubru li għadda, fil-ġurnata li kellu jibda l-ġuri, huwa ra lil ħuh jinħareġ miċ-ċella fuq stretcher għall-ħabta tas-6.30 a.m.

“Wasalt fil-lock up tal-Qorti. Xi kwarta jew għoxrin minuta wara ġie ħija, li kien fuq siġġu tar-roti. Provajt inkellmu iżda ma kienx qed iwieġeb. Għedt lill-uffiċjali korrettivi: hekk iġġibu il ħija fil-Qorti?”, kompla jgħid Degiorgio.

Qal li mbagħad hu u ħuh iddaħħlu fl-awla, “bl-Imħallef Edwina Grima tgħidli li kienet se tibda xorta waħda. Tant kont ixxukkjat li lanqas stajt nisma’ aktar.”

Imbagħad intgħażlu l-ġurati u l-Avukat Ġenerali għamel id-diskors ta’ introduzzjoni tiegħu, qabel il-ġuri waqaf f’nofsinhar. Degiorgio qal li: fin-nofsiegħa ta’ waranofsinhar ġie l-Avukat Simon Micallef Stafrace biex ikellimni. Ried ikompli. Jien għedtlu: inkomplu? Għadek kemm iddikjarajt li m’intix lest.”

Degiorgio qal li mbagħad l-avukat tiegħu kien qallu li f’dak il-punt kellu żewġ għażliet: jew li jitlef il-ġuri u jeħel għomor il-ħabs, jew jammetti u jieħu sentenza mnaqqsa. “Jiena għedtlu, se jkolli nwieġeb għal ħija wkoll? Ħares ftit lejh,” qal ix-xhud.

L-avukat imbagħad kien tkellem mal-Avukat Ġenerali u informa lil Degiorgio li l-patteġġjament kien dak li jiskonta 40 sena ħabs. “Baxxejt rasi u għedtlu biex immexxu għax kont għajjien,” qal ix-xhud. Kien f’dan il-mument li qal li ħa d-deċiżjoni li jammetti għax “ma kellux għażla oħra.”

Il-każ ikompli f’Mejju.

L-Avukati Maurizio Cordina u Carina Bugeja Testa qed jidhru għall-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat f’dawn il-proċeduri. L-Avukati Leslie Cuschieri u Noel Bianco dehru għall-aħwa Degiorgio.

Ekonomija

Sport