Wednesday, December 31, 2025

George Grech … minn tifel u żagħżugħ li beda jaqdef bid-dgħajjes, għal atleta li llum kiteb ismu fil-kotba tar-rekords nazzjonali

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Riċentement l-isport Malti kiteb paġna ġdida fl-istorja tiegħu hekk kif The Malta Records kienu preżenti fil-Kalkara sabiex jippreżentaw rekord nazzjonali ġdid, rekord li mhux biss jitkellem fuq distanza u ħin, imma fuq sagrifiċċju, reżiljenza u saħħa mentali u fiżika ta’ livell eċċezzjonali.

Protagonist ta’ dan il-mument storiku kien George Grech, atleta li rnexxielu jaqdef distanza ta’ 100 kilometru fuq magna tal-qdif f’ħin ta’ 11-il siegħa, 48 minuta u 3 sekondi prestazzjoni li titlob dedikazzjoni rari u preparazzjoni fit-tul.

George Grech mhuwiex isem ġdid fid-dinja tal-qdif. Il-vjaġġ tiegħu fl-isport beda 17-il sena ilu, meta beda jaqdef bid-dgħajjes u jsir parti mill-ambjent tradizzjonali tar-Regatta.

Għal snin sħaħ, il-baħar kien il-post fejn ifforma l-karattru sportiv tiegħu bejn it-taħriġ, il-kompetizzjoni u l-esperjenzi kollettivi mat-tim tal-Kalkara. Fil-passat, George qadef fir-Regatta mal-Kalkara u matul dawk is-snin kellu l-opportunità li jaqdef fuq kull tip ta’ dgħajsa u kompetizzjonijiet fosthom paljijiet, kajjikk u oħrajn. Kull esperjenza żiedet saff ieħor ta’ dixxiplina u għarfien.

Madankollu, il-qalba ta’ dan ir-rekord nazzjonali tinsab fl-istorja tiegħu fl-indoor rowing. Hekk kif aħna ħadna l-kummenti esklussivi tiegħu wara dan ir-rekord, George jispjega li l-ewwel suċċess veru tiegħu f’dan id-dixxiplina wasal meta qadef 42 kilometru fuq magna tal-qdif, distanza li dak iż-żmien ħaddieħor f’Malta qatt ma kien għamilha. “Minn hemm,” jgħid, “bdejt naħseb li nagħmel xi ħaġa iktar.” Dak il-mument kien il-bidu ta’ sfida personali li wasslitu biex jimmira lejn il-100 kilometru, għan jew aħjar objettiv li ħafna jqisuh kważi impossibbli.

Id-differenza bejn ir-Regatta u l-indoor rowing hija kbira, skont George. Filwaqt li r-Regatta tiddependi ħafna fuq it-tim, il-kundizzjonijiet tal-baħar u l-isprint qasir u intens, l-indoor rowing jitlob stamina kontinwa u kapaċità li żżomm ritmu stabbli għal sigħat sħaħ. “Ir-Regatta normalment ma ddumx aktar minn tmien minuti,” jispjega, “filwaqt li fl-indoor rowing nitkellmu fuq sigħat twal, fejn trid tiġġieled kemm kontra l-għeja fiżika kif ukoll kontra moħħok.”

Meta mistoqsi x’ifisser għalih dan ir-rekord, George jwieġeb b’umiltà. Għalih, dan mhux biss numru jew ċertifikat, imma rikonoxximent ta’ snin ta’ xogħol u konsistenza. Huwa jiddeskrivi l-isfida bħala waħda li titlob sagrifiċċju personali kbir mill-ħin iddedikat għat-taħriġ, għat-tbatija fiżika waqt il-prova nnifisha. Iżda fl-istess ħin, jiddeskriviha bħala esperjenza li ssaħħaħ il-karattru u tagħtik sens ta’ sodisfazzjon li diffiċli tispjegah bil-kliem.

Minkejja li ħafna jistaqsuh jekk hux se jirritorna għar-Regatta, George jgħid li bħalissa m’għandux pjanijiet konkreti f’dak is-sens. “Kulħadd isaqsini,” jgħid, “imma bħalissa qed inħares ‘il quddiem.” Fil-fatt, l-għajnejh u moħħu diġà huma ffukati fuq sfidi ġodda. Għas-sena li se tibda iġifieri l-2026, huwa jixtieq jerġa’ jikser rekord ieħor fl-indoor rowing, ambizzjoni li turi li dan is-suċċess mhux it-tmiem, imma pass ieħor f’vjaġġ sportiv għadu għaddej.

Il-preparazzjoni ta’ George mhijiex limitata għal dixxiplina waħda. It-taħriġ tiegħu jinkludi sessjonijiet regolari ta’ indoor rowing, gym, ġiri u anke tennis. Din il-varjetà tgħinu jibqa’ bilanċjat u jnaqqas ir-riskju ta’ injuries. Interessanti kif jiddeskrivi d-differenza bejn it-tennis u l-indoor rowing: filwaqt li t-tennis huwa sport ta’ impatt u moviment kontinwu, huwa wkoll aktar soċjali, fejn tiltaqa’ man-nies u taqsam l-esperjenza.

Min-naħa l-oħra, l-indoor rowing huwa aktar solitarju u mentali, fejn inti waħdek kontra l-magna u l-limiti tiegħek. Hemmhekk skont hu jrid ikollok reżiljenza kbira sabiex tasal għall-għanijiet tiegħek.

Skont George, l-indoor rowing jgħinu ħafna fit-tennis, speċjalment fil-kontroll tan-nifs u fl-istabbiltà. “Ir-rowing jgħallmek kif iżżomm ritmu u tieħu n-nifs b’mod ikkontrollat,” jispjega, “u dan jittraduċi ruħu f’aktar kalma u kontroll fuq il-court tat-tennis.” Din is-sinerġija bejn sports differenti hija prova ta’ kemm approċċ ħolistiku jista’ jtejjeb il-prestazzjoni atletika.

Dan ir-rekord jikkonferma wkoll kif l-indoor rowing qed jikseb aktar rikonoxximent f’Malta bħala dixxiplina serja u ta’ livell għoli. Prestazzjonijiet bħal dik ta’ George Grech juru li anke sport li spiss isir ‘il bogħod mill-attenzjoni tal-pubbliku jista’ jipproduċi atleti ta’ klassi u determinazzjoni kbira. Huwa messaġġ ċar għal dawk kollha li jibdew jew qed jaħsbu li jibdew: il-limiti jeżistu biss jekk taċċettahom. Bl-eżempju tiegħu, George qed jispira ġenerazzjoni ġdida ta’ sportivi Maltin biex jemmnu f’xogħol iebes, konsistenza u kuraġġ.

Fl-aħħar mill-aħħar, l-istorja ta’ George Grech hija waħda ta’ passjoni u perseveranza. Minn tifel u żagħżugħ li beda jaqdef bid-dgħajjes, għal atleta li llum kiteb ismu fil-kotba tar-rekords nazzjonali, il-vjaġġ tiegħu jservi ta’ ispirazzjoni għal ħafna. Huwa eżempju ċar li bis-sagrifiċċju, dixxiplina u fidi fik innifsek, anke l-itwal distanza tista’ tintlaħaq. Minn qalbna nawgurawlu kull suċċess, kemm fil-ħajja personali tiegħu kif ukoll fid-diversi sports li jipprattika, bit-tama li l-isem ta’ George Grech jibqa’ jinstema’ fl-isport Malti għas-snin li ġejjin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport