Tuesday, December 24, 2024

Gerard Pique se jirtira mill-football fi tmiem il-ġimgħa

Aqra wkoll

Fi tmiem il-ġimgħa, id-difensur ta’ Barcelona, Gerard Pique, se jirtira mill-football wara l-aħħar logħba tiegħu fin-Nou Camp.

Il-player ta’ 35 sena, li lagħab fil-livelli kollha fil-club Katalan u  lagħab erba’ snin ma’ Manchester United, ħabbar dan f’filmat li ttella’ fuq il-midja soċjali.

Barca se jilagħbu kontra Almeria f’La Liga għall-aħħar partita ta’ Pique.

“Dejjem għedt li ma jkunx hemm team ieħor wara Barca u hekk se jkun,” huwa qal.

Pique kien jifforma parti mill-iskwadra tal-Youths sal-2004 meta  ffirma ma’ Manchester United. Huwa kien player marġinali mar-Red Devils meta rebħu l-Premier League u ċ-Champions League fl-2007-08, biex imbagħad reġa’ ngħaqad mal-ġganti Katalani fl-2008.

Matul iż-żmien tiegħu ma Barcelona huwa lagħab aktar minn 600 logħba u rebaħ 30 trofew, inklużi tmien titli La Liga, tliet trofej taċ-Champions League u seba’ titli tal-Copa del Rey.

F’dan l-istaġun Barcelona sfaw eliminati miċ-Champions League u jinsabu t-tieni fil-kampjonat, punt wara Real Madrid.

Pique irtira mill-football internazzjonali fl-2018 wara li lagħab 102 partiti għal Spanja li fihom rebaħ il-Kampjonat Ewropew fl-2012 u t-Tazza tad-Dinja fl-2010.

Huwa żied jgħid: “Il-football tani kollox. il-club tani kollox. Intom il-partitarji, tajtuni kollox.

“U issa li l-ħolm kollu ta’ dan it-tifel sar realtà, irrid ngħidilkom li ddeċidejt li issa huwa ż-żmien li nġib dan il-vjaġġ fit-tmiem tiegħu.”

“Kulħadd jafni … illum jew għada se nkun lura bħala partitarju kbir. Narakom fin-Nou Camp. Viva Barca. Dejjem.”

Ekonomija

Sport