Raġel Ġermaniż li ilu għal dawn l-aħħar snin jgħix Ruma u jorqod fit-toroq instab mejjet fi Pjazza Vatikan fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt li għadda.
Ftit tal-ħin wara li nstab persuni qrib sew ta’ Papa Franġisku qalulu b’din l-aħbar u mill-ewwel offra l-kondoljanzi lill-familja. Papa Franġisku għandu għal qalb ħafna n-nies li jgħixu fit-toroq tant li kien hemm għajdut li wara li ġie elett Papa, kien joħroġ bil-lejl biex jgħin lil dawn l-imsejkna.
Il-kelliem għal Vatikan Matteo Bruni qal li l-Ġermaniż li twieled fl-1961 kien ilu jgħix fit-toroq ta’ Ruma għal dawn l-aħħar snin. Hu kien jingħata għajnuna mill-istituzzjonijiet tal-karità li tmexxi l-Knisja Kattolika.
Skont dak li ġie rrapportat fil-midja fil-lejl li miet f’Ruma kien hemm kesħa kbira u anke xita u r-raġel daħal jiskenn taħt il-kolonni li hemm fi Pjazza San Pietru.
“Sfortunatament l-aħħar iljieli kienu ta’ kesħa kbira u anke xita u għalhekk iħalli effetti fuq in-nies bla djar. Papa Franġisku jinsab verament imnikket għal din it-telfa,” qal il-kelliem tal-Vatikan Bruni.
Skont data li kienet ippubblikata mill-OECD bħalissa fl-Italja hemm madwar 50,700 persuna jgħixu fit-toroq filwaqt li fil-Ġermanja hemm aktar minn 337,000 persuna jgħixu barra.