Is-somma sabiħa ta’ aktar minn nofs miljun ewro miġbura għad-Dar tal-Provvidenza fit-12-il edizzjoni tal-maratona tal-volleyball li għadha kemm intemmet, hija turija ta’ kemm il-poplu Malti u Għawdxi huwa poplu ġeneruż u ta’ qalb tajba. Wara waqfa ta’ sentejn minħabba l-pandemija tal-Covid-19, din l-attività sportiva u soċjali fl-aħħar setgħet terġa’ ssir ħalli jerġgħu jkunu jistgħu jinġabru fondi tant meħtieġa għall-operat ta’ din id-Dar.
Imwaqqfa fl-1965 mill-Monsinjur Michael Azzopardi, id-Dar tal-Provvidenza tagħti servizz ferm importanti f’pajjiżna bħala residenza għall-persuni b’diżabbiltà f’ambjent ta’ familja u mħabba. Din id-Dar tilqa’ madwar 115-il persuna b’diżabbiltà bl-etajiet ta’ bejn l-14 u t-80 sena. L-ispejjeż huma kbar u ta’ kull sena għandha bżonn €4 miljun. Dawn mhumiex flus żgħar u attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi bħalma hija din il-maratona tal-volleyball huma vitali. Biss biss f’din l-edizzjoni, grazzi għas-sagrifiċċju u d-dedikazzjoni tal-40 plejers, il-200 volontiera u l-organizzaturi li ħadmu qatigħ minkejja s-sħana esaġerata, id-Dar tal-Provvidenza issa tista’ sserraħ rasha li almenu għandha madwar xahar u nofs spejjeż koperti.
Dan huwa ġest verament altruwist u tassew ta’ min ifaħħru. Dawn l-isportivi, kif ukoll il-volontiera, l-organizzaturi u kull minn b’xi mod ta’ sehmu għal dan ir-riżultat sodisfaċenti, tassew ħaqqhom ħajr. Grazzi għas-solidarjetà u l-isport intlaħqet il-mira li tinġabar somma sabiħa biex id-Dar tal-Provvidenza tkompli toffri servizzi residenzjali tal-għola kwalità lir-residenti vulnerabbli tagħha. Dawn ir-residenti ħaqqhom ikollhom dak kollu li għandhom bżonn u dan, bi dritt.
Il-Prim Ministru Robert Abela wkoll wiegħed li d-Dar tal-Provvidenza se tibqa’ ssib is-sostenn tal-Gvern iżda minħabba li x-xogħol huwa kbir, talab li l-appoġġ lejn din id-Dar għandu jingħata minn kulħadd. Nemmnu li hekk għandu jkun.
Bħala soċjetà aħna familja waħda. Għandna nħarsu u ngħinu lil xulxin. Jekk kulħadd jagħti sehemu u naħdmu flimkien il-piż ma jibqax daqstant iebes. Jekk kull wieħed u waħda minnha nagħtu milli nistgħu lill-proxxmu jew lil min huwa fil-bżonn, mhux biss inkunu xempju ta’ familja waħda, iżda wkoll ta’ soċjetà inklussiva bi prinċipji u valuri tajbin ta’ ispirazzjoni għall-oħrajn.