Saturday, December 21, 2024

Ġew ivvutati aktar minn €200 miljun biex nissalvagwardjaw l-impjiegi tal-ħaddiema permezz tal-Covid Wage Supplement

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Maltin b’Saħħitna ‘l Quddiem’, il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri ta dettalji dwar l-iskemi u għajnuniet li ġew introdotti fl-aħħar xhur li pproteġew lin-negozji u ssalvagwardjaw għadd ta’ mpjiegi kif ukoll preżenta t-triq ‘il quddiem għan-negozji.

“Dan huwa l-akbar budget li qatt ġie ppreżentat fl-istorja ta’ pajjiżna. Fi żmien straordinarju rajna li ngħinu lin-negozji tagħna, affermajna mill-ġdid il-fiduċja li għandna fihom sabiex huma jagħmlu dak il-pass u jinvestu. Meta jagħmlu dan, aħna ħa nkunu ta’ spalla magħhom u mal-ħaddiema tagħna”, qal il-Ministru Schembri.

Dwar il-Wage Supplement, il-Ministru Schembri spjega li minn Marzu sa Settembru ta’ din is-sena  ġew imħallsa aktar minn €233 miljun. Il-Ministru Silvio Schembri żied jgħid li ġew ivvutati aktar minn €200 miljun biex nissalvagwardjaw l-impjiegi tal-ħaddiema permezz tal-Covid Wage Supplement.

Dan wassal biex għen 78,357 ħaddiema f’Malta u 4,201 f’Għawdex li b’kollox jammontaw għal 85,000.

F’kuntest ta’ Wage Supplement, l-ammont ta’ negozji li rċevew l-għajnuna kien ta’ 16,894.

Dwar l-iskema ta’ Telework kien spjegat li sad-19 ta’ Ottubru kien hemm 662 applikazzjoni u l-ammont li tħallas kien dak ta’ € 899,813.

Dwar l-iskema ta’ Leave ta’ Kwarantina, sad-19 ta’ Ottubru kien hemm 2,664 applikazzjoni. L-ammont totali approvat kien dak ta’ €1,821,750,  filwaqt li tħallsu €1,639,400.

Riċentament ingħalaq il-perjodu sabiex negozji jkunu jistgħu japplikaw u jibbenefikaw mill-iskema ta’ rifużjoni fil-kont tal-kera u rifużjoni ta’ 50% fil-kontijiet tad-dawl.

Dwar l-iskema ta’ 50% fil-kontijiet tad-dawl u li għal din allokajna budget ta’ € 35 miljun, l-ammont ta’ applikazzjonijiet li tressqu għand il-Malta Enterprise kien ta’ 6,422  li jilħqu total ta’ 7,274 kont.

Dwar l-iskema ta’ rifużjoni tal-kera li għal dan kien allokat budget ta’ €45 miljun u li minnu negozji setgħu jibbenefikaw minn appoġġ massimu ta’ 2,500, il-Malta Enterprise irċeviet 4,405 applikazzjoni minn negozji u self-employed, filwaqt li kuntratti individwali tal-kera hemm 4,954.

Il-Ministru Schembri spjega li ma kienx hemm 16,000 applikazzjoni (skont l-ammont ta’ negozji li bbenefikaw mill-Wage Supplement) huwa minħabba l-fatt li fosthom ċerti negozji u businesses ma jikkunsmawx daqstant elettriku. Hemm ukoll attivitajiet li ma jirrikjedux spazju mikri biex joperaw. Hemm wkoll dawk li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ casa bottega li ma jistgħux japplikaw għaliex fil-każ tagħhom il-metre huwa wieħed domestiku u mhux kummerċjali.

Barra minn dan, hemm l-iskema tal-VAT exemption scheme, jiġifieri dawk li jaqilgħu sa €30,000 fis-sena issa m’għandomx għalfejn jiġbru VAT iżda jistgħu joperaw b’eżenzjoni mill-VAT u b’hekk qed innaqqsu x-xogħol amministrattiv ta’ dawk in-negozji ż-żgħar u self-employed li jew ikunu għadhom fil-bidu tagħhom, jew inkella jkunu żgħar. Din żdiedet minn €20,000 ghal €30,000 fis-sena. Dak li jkun se jiffranka wkoll spejjeż amministrattivi u b’hekk qed ngħinu wkoll finanzjarjament lil dawn in-negozji ż-żgħar.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise Kurt Farrugia spjega li iżjed ‘il quddiem se tkun qed titnieda skema mmirata lejn kumpaniji li jħaddmu inqas minn 50 persuna sabiex jidħlu għal proġetti ta’ innovazzjoni – skema li kif tħabbar fil-budget se tgħin f’investimenti teknoloġiċi li jtejbu l-operat tal-kumpaniji u se tkun qed tkopri sa 50% tal-ispiża. Dan filwaqt li se jkompli t-tisħiħ fuq skemi eżistenti biex tkompli tgħin setturi eżistenti u tattira oħrajn ġodda.

Ekonomija

Sport