
Fl-irħajjel tal-Baħrija ġiet iċċelebrata l-festa ta’ San Martin fost ħafna tradizzjonijiet: bejn dawk assoċjati mal-ikel u l-fiera tradizzjonali… u tifkira tal-ġest ta’ solidarjetà li San Martin għamel mal-foqra.
Għadd ġmielu ta’ familji, tfal, żgħażagħ u turisti lbieraħ mlew iż-żona biswit il-knisja fejn saret il-fiera tradizzjonali. Mal-ikel tradizzjonali, abbundanza ta’ ġewż, lewż, qastan u t-tin li Maltin xtraw kemm biex inaqqru dak il-ħin jew biex jeħduhom id-dar u jinkluduhom fl-ingredjenti għat-Torta ta’ San Martin u l-Ħobż ta’ San Martin.

Ġibed l-interess ta’ ħafna l-qastan imsajjar fuq in-nar fil-miftuħ. Kien hemm ukoll it-tberik tal-annimali, wirja ta’ karozzi, attrazzjoni medjevali u logħob għat-tfal fost attivitajiet oħra.


