“Bil-maratona ġbir ta’ fondi għamilna pass kbir u issa fadlilna ftit mijiet ta’ eluf biex ikollna l-flus meħtieġa biex nibnu d-dar il-ġdida”;.
Hekk sostna Bjorn Formosa, fundatur ta’ ALS Malta u l-moħħ wara l-proġett li se jara l-bini ta’ dar ġdida li tilqa’ fiha persuni bi problemi ta’ mobilità kawża ta’ kundizzjonijiet relatati man-nervituri.
Dan il-ġurnal ikkuntattja lil Formosa biex jara kif se jintefqu l-€1.4 miljun miġbura mill-aħħar maratona ta’ ġbir ta’ fondi.
Fl-2017 kienet infetħet Dar Bjorn f’Ħal Qormi imma minħabba li fil-preżent in-numru ta’ persuni li jixtiequ jidħlu fiha huwa ikbar mill-ispazju li hemm dan ma kienx possibbli
Fil-preżent il-lista ta’ stennija hija ta’ bejn 50 u 70 persuna u kien għalhekk li Formosa ġietu l-idea li jibni t-tieni dar.
Wara li nstab post f’Ħaż-Żebbuġ saret il-pjanta tal-proġett li jaħseb f’binja għolja tmien sulari li minbarra l-apparat mediku meħtieġ se tkun tinkludi wkoll ‘pool’, kappella, ħanut u kċina-kafetterija.
Formosa spjega lil dan il-ġurnal kif il-proġett ġej jiswa mal-€5 miljun li minnhom €3 miljun se jintefqu fil-kostruzzjoni u €2 miljun biex il-binja titlesta.
Ix-xogħol fuq il-binja l-ġdida jinsab fi stadju bikri u mistenni jitlesta lejn il-bidu tal-2022.
Bħal fil-każ tal-ewwe dar, il-Gvern mistenni joħroġ il-parti l-kbira tal-fondi meħtieġa biex jitħallas l-istaff meħtieġ biex jieħdu ħsieb ir-residenti li se jkun hemm f’Dar Bjorn 2.