Miktub minn CARMEN CACHIA
L-għeluq tal-iskejjel fl-aħħar ta’ Marzu minħabba l-pandemija globali tal-Covid-19, kellu impatt negattiv fuq it-tfal b’mod speċjali mil-lat tas-saħħa mentali. L-edukazzjoni f’pajjiżna baqgħet għaddejja bit-tagħlim online iżda xi tfal waqgħu lura. Il-Kummissarju tat-Tfal, Pauline Miceli, f’kumment għal inewsmalta qalet li l-impatt negattiv fuq it-tfal huwa reali tant li għad għandna tfal li jibżgħu joħorġu mid-dar minħabba ansjetà u biżgħa mill-virus.
Kulħadd huwa anzjuż dwar jekk l-iskejjel għandhomx jinfetħu ftit tal-ġimgħat oħra. Din hija sitwazzjoni li l-awtoritajiet konċernati kollha, ġenituri, għalliema u kummissarji tat-tfal fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, ilhom għal ġimgħat sħaħ jiddiskutu. Pauline Miceli qalet lil dan il-ġurnal li d-deċiżjoni ewlenija kienet li l-ftuħ tal-iskejjel huwa important u fl-aħjar interessi tat-tfal u li l-mistoqsija li tiġi waħida hija, kif it-tagħlim u l-ambjent tal-iskola se jiġu modifikati biex it-tfal u l-għalliema jkunu mħarsa u siguri.
“L-għeluq tal-iskejjel minħabba l-Covid-19 f’nofs is-sena skolastika li għaddiet ħalla impatt fuq kulħadd u mhux b’inqas fuq it-tfal,” qalet Miceli. F’temp qasir ta’ żmien l-iskejjel u t-tfal kellhom jaddattaw ruħhom għall-kontinwazzjoni tat-tagħlim b’mod virtwali.
Hija qalet li minħabba li din is-sitwazzjoni ġiet fuqna għall-għarrieda, it-tfal u l-għalliema ma kinux imħejjijin għaliha tant li kellna tfal li ftit li xejn ħadu lezzjonijiet, oħrajn fil-bidu lanqas kellhom il-mezzi biex jaċċessaw it-tagħlim u x-xokk tat-tibdil radikali fil-metodu tat-tagħlim ħalla l-effett tiegħu.
“Xi tfal intilfu u tilfu kull kuntatt mal-iskola. Fost l-aktar li batew kienu dawk it-tfal b’diżabilità li l-għajnuna speċjalizzata li s-soltu jingħataw meta jattendu l-iskola, waqfet jew inkella naqset drastikament,” spjegat il-Kummissarju tat-Tfal.
Inċertezza kbira fil-membri kollha tal-familja
L-iżolament tat-tfal fi djarhom kien fattur li ħalla effett fuq l-istat mentali tagħhom – it-tfal iħossu l-ansjetà daqsna l-kbar. Miceli sostniet li l-biżgħa mill-virus, mill-ħruġ u l-kuntatt ma’ nies oħra, bir-raġun, ħalla effett negattiv fuq is-saħħa mentali tagħhom tant li għad hemm tfal li jibżgħu joħorġu mid-dar.
Il-Kummissarju tat-Tfal lokali qaltilna li tfal li kienu waslu fl-aħħar sena, ma kinux jafu x’se jsir biex ikollhom ir-riżultati li kienu qegħdin jaspiraw għalihom biex ikomplu l-istudji tagħhom. “Għandek tfal li kienu se jgħaddu minn skola għall-oħra, per eżempju mill-Primarja għal skola Medja, mingħajr il-preparazzjoni tas-soltu. Sitwazzjoni ta’ inċertezza kbira fil-membri kollha tal-familja u b’mod partikolari fit-tfal. Irridu nsemmu wkoll it-tbatija ta’ dawk it-tfal li jgħixu f’ambjent tad-dar fih innifsu stressanti, fejn jaraw l-abbuż u l-vjolenza u li ftit li xejn setgħu jaħarbu minnu,” kompliet Miceli.
Hija, bħala professjonista fil-qasam, taf li biex it-tfal jiżviluppaw jeħtieġu logħob ma’ tfal oħra u ż-żgħar, b’mod speċjali, ftit li xejn setgħu jifhmu għaliex ma jistgħux jibqgħu jiltaqgħu mal-ħbieb u l-kuġini. In-nuqqas ta’ kuntatt wiċċ imb’wiċċ ħalla wkoll impatt fuqhom.
It-tfal qattgħu wisq ħin fuq l-Internet…
It-teknoloġija diġitali kienet mezz importanti biex ftit jew wisq isir it-tagħlim u kemm tfal, għalliema u ġenituri kellhom jaġġornaw ruħhom u jagħmlu użu minn dawn it-teknoloġiji. Ħafna minna għarfu u bdew japprezzaw iktar is-siwi tal-Internet biex ikomplu jaħdmu mid-dar u t-tfal setgħu jsegwu l-lezzjonijiet u jibqgħu f’kuntatt ma’ sħabhom u mal-għalliema.
Pauline Micheli qalet li, “iżda t-tfal stess qalulna li l-kuntatt fiżiku dirett ma’ persuni oħra, mal-ħbieb, man-nanniet u l-għalliema tagħhom huwa ferm aħjar u ma tistax tqabblu ma’ dak virtwali”. Ta’ min jgħid ukoll li l-perikli li t-tfal jistgħu jiltaqgħu magħhom fuq l-Internet baqgħu hemm u l-fatt li bdew iqattgħu ferm iktar ħin fuq l-Internet huwa ta’ tħassib.
Din il-Kummissarju nnotat li l-pandemija u l-għeluq tal-iskejjel daħħluna f’qoxortna u “rrealizzajna kemm dak kollu li nbena tul is-snin biex uliedna jgawdu livell tajjeb ta’ edukazzjoni huwa fraġli u jista’ jinħatt malajr. Bdejna napprezzaw il-fatt li l-iskola hija iktar minn sempliċi post fejn isir it-tagħlim biex it-tfal jgħaddu mill-eżami u li l-iskola hija komunità fejn l-adulti jżommu quddiem għajnejhom l-aħjar interessi tat-tfal biex jagħmlu l-esperjenza tal-iskola waħda li twassal għal-iżvilupp sħiħ tagħhom”.
Ħafna pajjiżi Ewropej diġà fetħu l-iskejjel. Hija tal-fehma li minnhom nistgħu wkoll nitgħallmu biex naraw kif qegħdin jaħdmu f’dawn iċ-ċirkostanzi.
Il-Kummissarju Miceli temmet tgħid li dan huwa żmien ta’ sfidi, iżda b’rieda tajba minn kulħadd u b’kollaborazzjoni mal-awtoritaijiet tas-saħħa għandu jirnexxielna naddattaw għal din in-normalità ġdida u nieħdu l-opportunità biex inbiddlu dak li ilna s-snin ngħidu li jeħtieġ jinbidel.