Hekk kif għada Papa Franġisku se jkun qiegħed jagħti l-ewwel Urbi et Orbi tal-Milied mingħajr restrizzjonijiet tal-COVID-19 fi Pjazza San Pietru f’Ruma, eluf ta’ persuni mistennija li jattendu għal din il-barka speċjali.
Urbi et Orbi hija “barka lil Belt (Ruma) u lid-Dinja li jagħtija l-Papa f’żewġ okażżjonijiet matul is-sena. Dawn huma l-Milied u l-Għid filwaqt li tingħata darb’oħra biss meta jkun elett Papa ġdid.
Ir-ritwal tal-Urbi et Orbi ġie żviluppat fis-Seklu 13 meta l-Knisja Kattolika kienet imexxija mill-Papa Gregorju X.
Normalment din il-barka speċjali fuq id-dinja tingħata mil-loġġa ċentrali tal-Bażilika ta’ San Pietru u tibda f’nofsinhar. Din tixxandar b’mod dirett madwar id-dinja kollha.
Fi żmien il-pandemija minħabba r-restrizzjonijiet il-Vatikan ma kienx iħalli nies fi Pjazza San Pietru. Iżda għada kollox mistenni jmur lura għan-normali.
Ta’ min isemmi li Papa Pawlu VI kien beda tradizzjoni li waqt din l-okażżjoni kemm tal-Milied u anke fl-Għid kien jawgura lill-popli tad-dinja b’diversi lingwi. Din it-tradizzjoni baqgħet għaddejja sa Papa Benedittu XVI, iżda Papa Franġisku mill-ewwel Urbi et Orbi kien waqqaf din it-tradizzjoni.