Tuesday, April 30, 2024

Għada huwa l-aħħar jum tat-Tabib Spiteri fit-tmexxija tal-Emerġenza

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għada huwa l-aħħar jum li d-Dipartiment tal-Aċċidenti u l-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei se jkun immexxi mit-Tabib Michael Spiteri.

F’kumment li tella’ fuq Facebook it-Tabib Spiteri ddeskriva l-perjodu tiegħu bħala Chairperson Kliniku bħala ħames snin li għaddew malajr u li minkejja tħassib kontinwu, kienu jinkludu mumenti li jvarjaw minn ferħ u sodisfazzjon sa għejja u frustrazzjoni kbira.

Spiteri żied jgħid li matul dawn il-ħames snin, flimkien mat-tim tiegħu għadda minn affarijiet li lanqas biss kienu jimmaġinawhom u li xhieda ta’ dan huwa l-virus tal-Covid-19. Filwaqt li rringrazzja lill-istaff kollu tant dedikat fid-Dipartiment, Spiteri appella biex dawn jibqgħu jġibu l-pazjenti l-ewwel f’xogħolhom.

Postu se jkun qiegħed jieħdu t-Tabib Patrick Farrugia u Spiteri qal li huwa ilu jafu għal diversi snin u jinsab ċert li se jmexxi d-dipartiment b’suċċess.

Spiteri jkompli li l-karriera tiegħu tinsab f’salib it-toroq u qal li jinsab lest għal sfidi u proġetti ġodda. Huwa se jibqa’ joffri s-servizzi tiegħu fid-dipartiment u flimkien mal-kollega tiegħu t-Tabib Jonathan Joslin se jibqa’ jaħdem fuq is-sistema ta’ emerġenza 112.

“Inħares lejn il-futur bit-tama; hemm x’hemm lest għalija, inwiegħed li se nibqa’ naħdem biex is-sistema ta’ emerġenza tibqa’ l-aqwa fl-Ewropa”, temm it-Tabib Spiteri.

Sport