Sunday, October 26, 2025

GĦADA L-BUDGET… Għażla soċjali fi żmien ta’ awsterità… Malta tinvesti fejn oħrajn qegħdin inaqqsu

Aqra wkoll

Filwaqt li diversi pajjiżi Ewropej bħall-Finlandja, il-Ġermanja u Franza qegħdin idaħħlu miżuri ta’ awsterità biex inaqqsu d-dejn pubbliku u jrażżnu l-inflazzjoni, Malta għażlet approċċ differenti billi tkompli tinvesti fil-persuna u fil-familja waqt li żżomm bilanċ bejn ir-responsabbiltà fiskali u l-ġustizzja soċjali.

Għada filgħaxija l-Gvern se jippreżenta l-Budget 2026 u l-attenzjoni tal-poplu Malti u Għawdxi se tkun fuq il-miżuri li se jitħabbru. Fid-Dokument ta’ qabel il-Budget 2026, il-Gvern wera li l-pożizzjoni fiskali ta’ pajjiżna għadha soda u b’saħħitha, b’dejn pubbliku taħt il-50 % tal-Prodott Gross Domestiku (PGD) – wieħed mill-inqas fl-Unjoni Ewropea – u b’defiċit li qiegħed jinżel b’mod gradwali lejn il-mira tal-3%. Din il-pożizzjoni tagħti lill-Gvern il-kapaċità li jkompli jinvesti f’miżuri soċjali u infrastrutturali mingħajr ma jżid il-piż fuq il-familji u n-negozji.

Ekonomija reżiljenti u fiduċja internazzjonali

L-ekonomija Maltija kompliet tikber b’rata ogħla mill-medja Ewropea, imsaħħa minn setturi bħas-servizzi finanzjarji, il-logħob diġitali, it-turiżmu u l-industriji kreattivi. Is-suċċess ekonomiku kien rifless f’żieda qawwija fl-impjiegi, tnaqqis fil-qgħad għal livell storikament baxx u żieda fil-pagi medji.

Dan ir-ritmu ta’ tkabbir u stabbiltà qiegħed jissaħħaħ ukoll mill-fiduċja dejjem tikber tal-investituri barranin. Skont l-aħħar studju ta’ Ernst and Young (EY), 79% tal-investituri jikkonsidraw lil Malta bħala destinazzjoni attraenti għall-investiment dirett barrani (FDI) – żieda sostanzjali ta’ 25% fuq is-sena li għaddiet. Dan jirrappreżenta rkupru qawwi fis-sentiment ekonomiku u juri kemm l-immaġni ta’ Malta bħala ambjent stabbli u sigur għan-negozju kompliet tissaħħaħ, speċjalment meta mqabbla mal-aħħar snin ta’ inċertezza globali.

Ir-reputazzjoni ta’ Malta bħala pajjiż bi stabbiltà fiskali u istituzzjonijiet ekonomiċi robusti tat sinjal pożittiv lis-swieq u lill-investituri barranin, li qegħdin iħarsu lejn pajjiżna bħala ċentru sigur għan-negozju u għall-innovazzjoni fil-Mediterran.

Politika soċjali li tmiss lin-nies

Il-Gvern saħaq li l-politika ekonomika tiegħu mhiex biss dwar iċ-ċifri iżda, dwar il-ħajja tan-nies. Il-miżuri soċjali tal-aħħar snin kienu sostanzjali. Sena wara l-oħra rajna żieda fil-pensjonijiet, tisħiħ tal-mekkaniżmu COLA, allowance speċjali għall-familji bi tfal, kif ukoll appoġġ fil-kera u fl-akkomodazzjoni soċjali.

Wieħed mill-elementi li jiddistingwi l-politika Maltija mill-bqija tal-Ewropa huwa l-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija. Dan kien u għadu pass li salva eluf ta’ familji minn pressjonijiet finanzjarji u żamm lill-negozji lokali kompetittivi.

Investiment f’futur aħjar

Fil-preparazzjoni għall-Budget 2026, il-Gvern iffoka fuq tliet pilastri ewlenin: investiment, inklużjoni u sostenibbiltà. Dan ifisser aktar fondi għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali biex iż-żgħażagħ ikunu lesti għall-ekonomija diġitali u ekoloġika, kif ukoll investiment f’infrastruttura moderna li tinkludi toroq, trasport pubbliku, enerġija nadifa u proġetti ta’ tiġdid urban.

Miżuri ġodda huma mistennija biex isaħħu l-parteċipazzjoni tan-nisa fix-xogħol permezz ta’ servizzi ta’ childcare aħjar u flessibilità tax-xogħol. Dan huwa pass importanti lejn ugwaljanza reali u parteċipazzjoni dinjituża fil-forza tax-xogħol.

Min-naħa l-oħra, il-politika industrijali ta’ Malta qiegħda tinbena fuq trasformazzjoni diġitali u sostenibbiltà ambjentali, b’inċentivi għal negozji li jadottaw teknoloġiji nodfa, jużaw enerġija rinovabbli u jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom. Dawn huma elementi li jpoġġu lil Malta fuq quddiemnett fil-qasam tal-ekonomija ħadra.

Miżuri ewlenin u kontinwità

Il-Budget 2026 jibni fuq il-politika ta’ stabbiltà li l-Gvern żamm matul dawn l-aħħar snin. Fost il-miżuri ewlenin li jkomplu jsaħħu din il-linja hemm:

  • Ebda żieda fit-taxxi personali jew korporattivi; stabbiltà fiskali garantita.
  • Żieda fil-pensjonijiet u fl-allowances soċjali għal dawk bi dħul baxx.
  • Estensjoni tal-mekkaniżmu COLA għal kategoriji ġodda ta’ ħaddiema.
  • Appoġġ dirett lill-familji bi tfal, inkluż krediti fiskali u inċentivi għal residenzi ġodda.
  • Protezzjoni kontinwa kontra ż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u sussidji għal negozji affettwati.
  • Investiment fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fit-teknoloġija diġitali.
  • Miżuri fiskali biex id-defiċit jinżel taħt il-3% tal-PGD sal-2026 u d-dejn pubbliku jinżamm taħt il-50%.
  • Inċentivi għall-intrapriżi żgħar u medji biex jespandu fi swieq ġodda u jżidu l-esportazzjoni.

Dawn il-miżuri jkomplu jsaħħu politika li tqis kemm il-ħtieġa li l-ekonomija tibqa’ kompetittiva, kif ukoll l-obbligu li l-familji u l-ħaddiema jkollhom stabbiltà u serħan il-moħħ.

Ekonomija li tikber bil-qalb

Il-Gvern kien impenjat li jżomm it-taxxa personali u dik fuq in-negozji f’livelli kompetittivi, jistimula politika soċjali li tappoġġja lill-familji u lill-vulnerabbli, jiffoka fuq il-kwalità tal-ħajja u mhux biss fuq it-tkabbir ekonomiku, kif ukoll iżomm kontroll fuq id-dejn pubbliku biex il-pożizzjoni tal-pajjiż tibqa’ sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

L-enerġija, l-investiment fi strutturi kritiċi u t-taħriġ tal-ħaddiema jibqgħu prijoritajiet assoluti biex Malta tibqa’ kompetittiva u kapaċi tħares lejn futur b’saħħtu u nadif.

Triq ta’ għaqal u solidarjetà

Il-Budget 2026 ta’ għada se jkun prova importanti għall-viżjoni ekonomika u soċjali ta’ Malta. Filwaqt li ħafna pajjiżi Ewropej iħarsu lejn awsterità u qtugħ, Malta għażlet triq ta’ għaqal u solidarjetà, politika li tfittex li tibni pajjiż fejn it-tkabbir ma jsirx fuq dahar il-familji iżda flimkien magħhom.

Dan l-approċċ juri li ekonomija moderna tista’ tkun finanzjarjament responsabbli u soċjalment ġusta fl-istess ħin. Jekk il-miżuri mwiegħda jiġu implimentati b’mod konsistenti, il-poplu Malti u Għawdxi se jgawdi minn futur ta’ stabbiltà, prosperità u opportunitajiet ġodda b’Malta li tibqa’ tispikka bħala mudell ta’ bilanċ u kura f’qalb Ewropa li qed tħabbat wiċċha ma’ sfidi ekonomiċi serji.

Għada, fil-Parlament, il-Gvern ikun se jkun qiegħed jara kemm din il-viżjoni tista’ tittraduċi ruħha f’realtà konkreta ta’ iva, ekonomija li tikber imma, b’qalb soċjali li tħoss.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport