“Nappellaw biex l-Oppożizzjoni tiġi b’pożizzjoni ċara u definittiva u mhux ikkundizzjonata dwar l-isem propost min-naħa tal-Gvern”
– Il-Ministru Jonathan Attard
Waqt il-programm Paperscan fuq ONE Radio li sar ilbieraħ, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard tkellem fuq il-proċess li għaddej b’rabta mal-ħatra tal-Prim Imħallef.
Il-Ministru Attard qal li fil-laqgħa li kienet saret aktar kmieni dan ix-xahar bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni, li għaliha kienu preżenti wkoll hu u s-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni, bħala Gvern kienu ċari li mhux se jaċċettaw l-involviment f’dan il-proċess kostituzzjonali ta’ terzi li ma kellhom x’jaqsmu xejn ma’ dan il-proċess.
“Kien hemm ukoll ftehim f’dik il-laqgħa dwar dawk li huma kriterji leġittimi li kellhom jiggwidaw dik li hija evalwazzjoni tal-kandidat inkluż li l-persuna magħżula tkun tista’ sservi terminu li ma jkunx twil iżżejjed imma lanqas ikun qasir wisq.
“Din il-ġimgħa stess, nhar l-Erbgħa li għadda, saret laqgħa bejni u bejn il-Kelliemi tal-Oppożizzjoni Joe Giglio u jiena f’isem il-Gvern, u abbażi tal-kriterji miftehma fil-laqgħa ta’ qabel, ipproponejt isem għall-konsiderazzjoni tal-Oppożizzjoni. Kien hemm qbil ukoll li nerġgħu niltaqgħu għada t-Tnejn biex tingħata r-reazzjoni tal-Oppożizzjoni.
“Dan juri li bħala Gvern ħadna l-passi neċessarji, b’responsabbiltà, li kienu ordnati u bla dewmien. Dawn l-iżviluppi kollha jġibu fix-xejn l-attakk li l-Kap tal-Oppożizzjoni deherlu li kellu jipprova jagħmel din il-ġimgħa kontra l-Prim Ministru meta dan qal li l-PM qed jipprova jtawwal dan il-proċess għal wara l-elezzjoni.
“Din hi kwistjoni ta’ kredibilità. L-Oppożizzjoni quddiem dan il-proċess tant serju għal qed tieħu dan l-approċċ li ma tantx jindika rieda tajba, anke minħabba l-fatt li jmorru lura fuq il-kriterji li ġew miftehma, speċjalment dak tal-età.
“Nappellaw biex l-Oppożizzjoni tiġi b’pożizzjoni ċara u definittiva u mhux ikkundizzjonata dwar l-isem propost min-naħa tal-Gvern.
“Bħala Gvern dejjem konna impenjati li naraw dan il-proċess ta’ ħatra jsir skont dawk li huma l-obbligi kostituzzjonali u anke b’rispett lejn l-indipendenza tal-ġudikatura.
“Jiena nibqa’ nittama li l-Oppożizzjoni, kif miftiehem, għada tiġi u tagħti reazzjoni għal dak li huwa l-isem proposti min-naħa tal-Gvern, li tressaq abbażi ta’ dak li huma kriterji stabbiliti u miftehma bejn il-partijiet.
“Sadanittant, grazzi għall-Gvern u għall-Grupp Parlamentari Laburista illum il-Qrati tagħna jibqgħu jiġu preseduta mill-Prim Imħallef attwali Dr Mark Chetcuti li mexxa b’serjetà u integretà,” qal il-Ministru Attard. “Dan quddiem sitwazzjoni fejn il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Partit Nazzjonalista riedu bl-azzjonijiet tagħhom jitfgħu lill-Qrati fi stat ta’ inċertezza. Dan minħabba l-fatt li inizjalment kienu qed jirreżistu li titressaq u tittieħed vot fuq il-mozzjoni mressqa mill-Gvern.”
Huwa temm billi awgura li l-maturità tipprevali u l-Oppożizzjoni timxi ma’ dak miftiehem u tagħti pożizzjoni li tkun ċara fuq l-isem propost min-naħa tal-Gvern.

