Monday, June 23, 2025

Għada se jiġi ffirmat l-aqwa ftehim ta’ €45m għal-letturi u tekniċi tal-MCAST – il-Prim Ministru Robert Abela

Iħabbar ukoll riforma fit-tribunal industrijali u l-Gvern se jirrikonoxxi l-Palestina bħala Stat

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ħabbar li għada se jkun qed jiġi ffirmat il-ftehim kollettiv għal-letturi u t-tekniċi tal-MCAST li jammonta għal €45 miljun, l-aqwa ftehim kollettiv li qatt kien hemm fl-MCAST.  Fisser kif dan l-investiment li jissarraf f’investiment fil-ħaddiema u ż-żgħażagħ tagħna.

Meta kien qed jindirizza attività politika fil-Mosta bit-tema ‘Il-Ġid għall-Maltin’, Dr Abela fakkar fil-ġid li qed joħloq Gvern Laburista, li minnu qed jibbenefikaw il-familji, il-pensjonanti u ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.  Fosthom semma l-għotja ta’ €500 kull sena għal tliet snin lill-ġenituri bi tfal li jkomplu jistudjaw.  Irrefera wkoll għall-għotja ta’ €10,000 fuq 10 snin, l-eżenzjoni mit-taxxa tal-boll fuq ix-xiri tal-propjetà, u min jinvesti fi propjetà sostenibbli jingaħta sa €9,000 oħra fuq 3 snin.

Il-Prim Ministru qal li għax Gvern Laburista qed imexxi l-ekonomija bil-galbu, illum qed ingawdu mir-riżultati ta’ dak l-għaqal.  Sostna kif ħaddieħor staġna l-pajjiż u kellu jkun Gvern Laburista li jerġa’ jqajjem l-ekonomija, biż-żidiet fiċ-children’s allowance u fil-pensjonijiet, trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd, għajnuna waqt il-pandemija, l-orħos kontijiet tad-dawl u l-ilma kif ukoll prezzijiet tal-fjuwil, żieda fil-paga minima nazzjonali, u l-akbar tax cut fl-istorja.

Ir-riforma fit-Tribunal Industrijali se joffri deċiżjonijiet aktar ġusti u effiċjenti

Dr Abela ħabbar riforma fit-tribunal industrijali biex jissaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema u jagħti serħan il-moħħ lil min iħaddem.  Qal li l-liġi kif inhi taf toħloq inċertezzi għall-ħaddiema u għal min iħaddem u anke inġustizzji.  Spjega kif il-liġi trid tkun iktar ċara, filwaqt li t-tribunal irid iħaffef iktar u mgħammar bl-aqwa riżorsi u l-kompetenzi meħtieġa.

Il-Prim Ministru qal li Gvern Laburista huwa l-aġent tal-bidla f’aspetti oħrajn, fosthom irrefera għall-miscarriage leave.  Sostna li kemm il-unjins, min iħaddem, u anke s-soċjetà ċivili, qed jirrikonoxxu l-ħidma li qed issir biex jiġi ntrodott dan il-leave u Malta tkun fost l-ewwel pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li tagħmel dan.

Dwar id-diskussjoni dwar l-ewtanasja volontarja assistita, Dr Abela qal li qed jisma’ s-suġġerimenti tan-nies u l-argumenti marbuta mal-kura paljattiva, anke jekk dawn huma żewġ kwistjonijiet separati minn xulxin.  Qal li Gvern Laburista investa bis-saħħa fil-kura paljattiva, fosthom fis-Samoc u mal-Hospice, biex dan is-servizz jibqa’ jissaħħaħ minn sena għall-oħra għall-pazjenti b’mard terminali u tinżamm id-dinjità tagħhom.

Il-Prim Ministru qal li l-Partit Laburista huwa forza progressiva, li mill-Gvern qed iġġib riformi favur il-poplu kollu, l-iktar favur dawk li jeħtieġu l-aktar u għaddejjin minn tbatija. 

Malta ser tirrikonoxxi l-Palestina bħala Stat

Dr Abela qal li Malta se tibqa’ soda u voċifera biex ma tħallix it-traġedji umani bħal tal-Lvant Nofsani jseħħu iktar.  Il-Prim Ministru qal li Malta lesta tilqa’ lill-pedjatra Dr Alaa Al-Najjar u lill-familja tagħha fostna li waqt li kienet qed tikkura lin-nies fi sptar fin-nofsinhar ta’ Gaża, tilfet 9 minn 10 itfal għax inqatlu innoċentament, u żewġha ndarab serjament. 

Il-Prim Minsitru qal li Gvern immexxi minnu se jirrikonoxxi lill-Palestina bħala Stat.  Fakkar kif meta kien l-Albanija, kien wieħed minn 7 mexxejja minn 45 pajjiż preżenti li kellhom il-kuraġġ jiffirmaw dikjarazzjoni biex tgħaddi l-għajnuna umanitarja lejn Gaża. Dr Abela qal li Malta tant hi rispettata fil-komunità internazzjonali li reġgħet ġiet fdata biex tmexxi din id-darba bil-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa.

Sostna li ħaddieħor moħħu biex jimmina u jxettel il-firda, li spiċċa nfired hu.  Qal li ħaddieħor qas kien kapaċi jmexxi Kunsill Lokali, aħseb u ara t-tmexxija tal-pajjiż.  Fisser kif ħaddieħor lanqas kien kapaċi jamministra l-finanzi ta’ Kunsill, aħseb u ara kieku kellhom jiġu biex iressqu Budget.

Dr Abela qal li għall-ħsara li saret minn barra dwar il-qafas taċ-ċittadinanza b’investiment, ħaddieħor għorok idejh.  Stieden lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex tikkopera fl-interess nazzjonali meta l-Gvern se jkun qed joħroġ bis-soluzzjonijiet.  Irrefera wkoll għall-attakk ġdid bl-ebda bażi fil-konfront ta’ Daniel Attard, u qal li se jiddefendih bis-saħħa u li mhux se jitħalla jgħum waħdu.

Fi tmiem id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru qal li l-Partit Laburista irid jibqa’ moviment rebbieħ, u stieden lil kulħadd biex fl-għeluq it-30 sena mill-ftuħ taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista bħala l-kwartieri ġodda tal-Partit Laburista, għandu jitwassal messaġġ favur pajjiżna, li fl-għaqda hemm is-saħħa, favur Malta tagħna.

L-attività politika kienet indirizzata wkoll mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett u s-Sindku ta’ Pembroke Kaylon Zammit.

Sport